Mara anzjana ta’ 78 sena hija t-28 vittma tal-coronavirus f’pajjiżna. Dan kien ikkonfermat fi stqarrija mill-Ministeru għas-Saħħa.
Il-mara kienet irriżultat pożittiva fil-11 ta’ Awwissu, madankollu kienet irriżultat negattiva f’testijiet li saru fit-28 ta’ Awwissu u d-9 ta’ Settembru.
Hija ddaħħlet fit-Taqsima tal-emerġenza lbieraħ u mietet ftit tal-ħin wara.
Il-Ministeru qal li bħalma hija l-prassi, ittieħed swab test u kien hawn li l-mara rriżultat pożittiva għall-virus.
Il-Ministeru għas-Saħħa kkonferma wkoll li l-mara kienet tbati minn kundizzjonijiet ta’ saħħa ulterjuri.
L-istqarrija żżid tgħid li proċess ta’ contact tracing qed isir fl-Isptar Monte Karmeli biex isiru testijiet lil persuni oħrajn li ġew f’kuntatt mal-mara.
Il-Ministru esprima l-kondoljanzi lill-familja tal-anzjana.
L-anzjana kienet it-tielet vittma tal-Covid-19 ilbieraħ, wara li aktar kmieni kien ikkonfermat li żewġ anzjani oħrajn kienu mietu bil-virus.