Thursday, December 26, 2024

Appell mill-gazzetta “Il-Furjana” għal azzjoni issa biex il-Furjana ma ssirx ‘Belt tal-Iħirsa’

Aqra wkoll

Meta jonqos anqas minn sena biex fid-9 ta’ Mejju tal-2024 jitfakkar it-300 anniversarju (1724-2024) minn meta twaqqfet il-belt tal-Furjana b’digriet tal-Gran Mastru Antonio Manoel de Vilhena, statistika uffiċjali wriet li bħalissa f’din il-belt jgħixu l-anqas numru ta’ residenti f’dawn l-aħħar mitt sena, mill-1921 sal-lum.

Din l-istatistika allarmanti kienet ippubblikata aktar kmieni din is-sena mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) bħala parti mill-istatistika ġenerali li ħarġet minn analiżi tat-tagħrif li rriżulta mill-aħħar ċensiment nazzjonali tal-popolazzjoni li sar bejn l-aħħar xhur tas-sena 2021 u l-ewwel xhur tas-sena ta’ wara (2022).

It-tagħrif miċ-ċensiment li jirrigwarda din il-lokalità, huma s-suġġett tal-istorja ewlenija fl-ewwel faċċata kif ukoll tal-Kumment Editorjali ta’ ħarġa oħra tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’ – dik ta’ Ġunju –  li għadha kemm kienet ippubblikata.

Din il-gazzetta Furjaniża hi waħda mill-eqdem, jekk mhux l-eqdem gazzetta lokali li hawn fil-gżejjer Maltin. Fil-fatt f’Ottubru li ġej se tiċċelebra għeluq is-70 sena mit-twaqqif tagħha.

Il-ħarġa ta’ Ġunju, minbarra li tinkludi t-tagħrif u graff li mal-ewwel daqqa t’għajn tispjega t-trend negattiv tal-popolazzjoni fil-Furjana fl-aħħar 100 sena, ‘IL-FURJANA’ qed tappella għal azzjoni immedjata mill-awtoritajiet lokali u nazzjonali biex il-Furjana tkun salvata. Għaliex ebda lokalità ma tista’ tissejjaħ hekk jekk ma jkolliex popolazzjoni tgħix fiha. Inkella ssir ‘belt tal-iħirsa’.

Il-gazzetta tittama li tqajjem kuxjenza biex kull min għandu għal qalbu din il-belt, primarjament il-Furjaniżi kollha – kemm dawk li jgħixu fil-Furjana stess, kemm dawk li jgħixu f’lokalitajiet oħra fil-gżejjer Maltin, kif ukoll dawk li jgħixu barra – jagħmlu pressjoni fuq min għandu jieħu l-inizjattiva biex issir xi ħaġa qabel ma jkun tard wisq.

Fl-istess ħarġa ta’ ‘IL-FURJANA’, fit-tmien paġni tan-nofs tingħata ħarsa lejn l-aħħar festa tal-Patrun tal-Furjana u l-Ewwel Isqof ta’ Malta, San Publju, li kienet iċċelebrata fit-23 ta’ April li għadda. Paġni mimlijin ritratti u informazzjoni partikolari.

Il-gazzetta Furjaniża ssellem il-memorja ta’ diversi Furjaniżi – fosthom l-isportiv u edukatur Joe Bugeja, l-eks President tal-Banda Vilhena Frans Bonnet, l-amministratur Joseph M. Debono – u oħrajn li għalkemm mhumiex Furjaniżi kellhom rabta mal-Furjana – bħall-eks Arċipriet il-Monsinjur Richard Borg, il-marmista Ronnie Pisani u l-membru tal-MUSEUM Johnny Sapiano – li mietu fix-xhur u l-ġimgħat li għaddew.

F’żewġ paġni sportivi tingħata prominenza lis-suċċessi miksuba mill-Floriana Ajax Sports Club fil-futbol u fid-Darts, ir-rebħ ta’ unur ewlieni fil-hockey mill-Floriana Young Stars Hockey Club wara nuqqas ta’ diversi staġuni, u r-rebħ tal-promozzjoni mit-tim ta’ taħt is-17-il sena tal-Floriana FC Nursery.

Fil-paġni tal-aħbarijiet issir referenza għall-ħatra tal-Ombudsman (l-Imħallef Emeritus Joseph Zammit McKeon) u tad-Deputat Kummissarju tal-Pulizija (Sandro Gatt) il-ġodda, li t-tnejn huma mill-Furjana. Tissemma’ wkoll ir-replika li saret tal-bandiera oriġinali tat-truppa tal-Iscouts tal-Furjana li sfortunatament m’għadiex teżisti.

Ġrajjiet oħra li jissemmew huma ċ-ċerimomji tal-ftuħ u tal-għeluq tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa (GSSE Malta 2023) li t-tnejn saru fi Pjazza San Publju (Fuq il-Fosos tal-Furjana); it-tifkira tal-299 anniversarju mit-twaqqif tal-Furjana; it-Tonna Trophy 2023; u r-rikonoxximenti li ngħataw mill-Kunsill Lokali Floriana fl-okkażjoni ta’ Jum il-Floriana ta’ din is-sena.

Min jixtieq jakkwista kopja ta’ din il-ħarġa jew ta’ xi ħarġa oħra, inkella jabbona biex għal 5 Ewro biss kull sena biex jibda jirċievi bil-posta l-gazzetta d-dar, jista’ jċempel fuq in-numru 79339649.

Fuq l-istess numru wieħed jista’ jċempel ukoll biex jibbukkja bil-quddiem kopja tal-ktieb li d-Direzzjoni ta’ ‘IL-FURJANA’ se tippubblika s-sena d-dieħla fl-okkażjoni tat-tliet mitt sena tal-Furjana. Ktieb li se jinkludi għexieren ta’ kitbiet minn uħud mill-akbar esperti li għandna f’pajjiżna f’diversi oqsma. Min jibbukkja kmieni jkun jista’ jgawdi wkoll minn roħs fuq il-prezz tal-pubblikazzjoni.

Ekonomija

Sport