Tuesday, April 30, 2024

Iċ-ċkejkna Jasmine qed tħejji ruħha għat-trattament newroloġiku li se tirċievi fil-Messiku

Il-ġenituri tagħha għarrfuna li minkejja l-kundizzjoni attwali hija għadha kemm għamlet progress ġdid!

Aqra wkoll

Matul dawn l-aħħar jiem, iċ-ċkejkna Jasmine bdiet il-preparazzjonijiet meħtieġa għat-trattament li mistennija tirċievi fil-Messiku f’Settembru li ġej. Intant, fl-aħħar sigħat, il-ġenituri tagħha, qasmu ritratt ta’ binthom ġo magna f’forma ta’ tubu; replika tat-tubu propja li se jkun qed jintuża għat-trattament ta’ Jasmine f’NeuroCytonix.

Jasmine hija tifla ta’ sena u nofs li twieldet b’kundizzjoni newroloġika. Appena ġew infurmati b’dan, il-ġenituri tagħha kienu kostretti li jagħmlu riċerka intensiva sabiex jiżguraw ruħhom li joffrulha futur b’ħajja kemm jista’ jkun indipendenti. Huma waslu għall-konklużjoni li dan jista’ jitwettaq ladarba t-tifla tkun ġiet esposta għal ammont ta’ terapiji varji. Infatti, il-ġimgħa għal Jasmine tikkonsisti f’varjetà ta’ terapiji li l-maġġorparti tagħhom jinkludu: il-fiżjoterapija, terapija tat-taħdit, l-occupational therapy, l-early intervention, l-aqua therapy, il-chiropractor, kif ukoll terapija biex tkun tista’ titgħallem tiekol, bil-frekwenza ta’ kull waħda minnhom tiġi aġġustata skont il-bżonn. Dan iddikjaratu Stefanie Grech, omm Jasmine, f’intervista li kienet saritilha ma’ Talk.mt.

F’kitba fuq il-paġna Jasmine’s Journey, fl-aħħar sigħat iż-żewġ ġenituri ta’ Jasmine fissru li binthom se tkun qed tqatta’ siegħa kuljum fit-tubu li ssemma iżjed ‘il fuq. Ir-replika nbniet miz-ziju ta’ Jasmine bil-għan li tkun tista’ tilħaq tiffamiljarizza ruħha sakemm tiġi biex tibda t-trattament propju. F’kitba separata l-ġenituri tagħha xi jiem ilu kienu qalu li dan it-trattament bejn wieħed u ieħor se jtul ftit inqas minn 40 jum, u se jikkonsisti f’siegħa terapija kuljum għal medda ta’ 28 ġurnata, kif ukoll xi testijiet oħra.

Ritratt: Roger Azzopardi – Talk.mt

Għal dawk li jsegwu l-vjaġġ taċ-ċkejkna fuq il-paġna tagħha, ċertament li nnutaw xi ħaġa ġdida fid-dehra tagħha … għal dawn l-aħħar tliet ġimgħat, Jasmine rnexxielha tiekol mingħajr l-NG tube! F’kumment li għadha kemm tat lil dan is-sit, Stefanie qaltilna li hi u żewġha qed jittamaw illi binthom tibqa’ sejra tajjeb sabiex eventwalment jirnexxilha tegħleb għalkollox id-dipendenza li kellha s’issa fuq dan it-tube: “Għamlet progress kbir u kuntenti ħafna li wasalna li neħħejnieh għax ilna minn Novembru naħdmu magħha fuq feeeding”. Fil-fatt, fl-ewwel intervista li kellu dan is-sit ma’ din il-familja f’April li għadda, il-ġenituri tagħha stqarrew magħna li waħda mill-miri ewlenin tagħhom hija li binthom jirnexxilha tibda tagħmel il-konnessjoni ta’ kif tixrob il-ħalib mill-flixkun — xi ħaġa li għal bosta ġenituri forsi mhi xejn ta’ barra minn hawn, imma għal Stefanie u żewġha Anthony hi ta’ sinifikat imprezzabbli minħabba li sa dak iż-żmien Jasmine kien qed ikollha tieħu l-ħalib permezz tal-NG tube.

Jekk tixtiequ tgħinu lil Jasmine biex tkun tista’ tattendi għat-trattament il-ġdid fil-Messiku, li jammonta għal €65,000 (biex ikunu koperti l-ispejjeż tat-trattament, tat-titjiriet tal-ajru u l-akkomodazzjoni), tistgħu tikkontribwixxu finanzjarjament billi tagħtu d-donazzjoni tagħkom permezz ta’ bank transfer jew Revolut fuq +35677991456, jew fuq din il-ħolqa: https://zaar.com.mt/projects/introducing-jasmines-journey/.

Sport