Sunday, November 24, 2024

Approċċ proattiv fejn tidħol il-ħela tal-ikel u l-impatt ambjentali

Konferenza fil-Parlament fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ikel

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ikel, fil-Parlament ittellgħet konferenza li trattat diversi temi fosthom is-sigurtà tal-ikel, il-ħtieġa li kull persuna jkollha aċċess għall-ilma tajjeb kif ukoll il-produzzjoni lokali. Din il-konferenza kienet organizzata flimkien mal-Aġenzija Maltija tal-Ikel u saret biex tfakkar it-twaqqif tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Biedja (FAO) fl-1945. 

F’diskors li għamel il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Maltija tal-Ikel Brian Vella, huwa għamel aċċenn għall-impenn u d-dedikazzjoni tal-aġenzija li tipprijoritizza u tenfasizza l-importanza tal-ikel.

Huwa tkellem dwar l-istorja ta’ suċċess fis-swieq tal-Pitkalija u l-isforzi kontinwi tagħhom fil-Pixkerija biex tissaħħaħ it-trasparenza u b’hekk ikun eliminat kwalunkwe abbuż li jista’ jkun hemm fil-provvista tal-ikel. 

“Dan iħeġġiġna nibqgħu impenjati li nkunu katalisti biex nispiraw il-bidla fl-industrija tal-agrikoltura u s-sajd tagħna filwaqt li nsaħħu r-rieda tagħna li nimmotivaw u nappoġġjaw lill-bdiewa u s-sajjieda lokali. Dan sabiex ikun hemm titjib fl-aċċess għas-swieq, ikunu żgurati prezzijiet ġusti għall-prodotti tagħhom u jinkoraġġixxu prattiċi dwar il-biedja sostenibbli,” qal is-Sur Vella.

Huwa tenna li l-aġenzija se tkompli tippromwovi l-prodotti lokali billi fost oħrajn tagħtih prijorità fis-sistema tal-ikel lokali, inkluż l-isforzi tagħhom biex jintroduċu standards ta’ marketing fis-suq tal-Pitkalija għal tisħiħ fil-kwalità tal-prodotti lokali.

“Qed nieħdu approċċ proattiv fejn tidħol il-ħela tal-ikel. Dalwaqt se nkunu qed inħabbru proġett interessanti f’dan ir-rigward għax nemmnu li l-promozzjoni ta’ sistema tal-ikel sostenibbli u li noħolqu kuxjenza dwar l-impatt ambjentali tal-ħela tal-ikel huma parti mill-valuri tagħna,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Maltija tal-Ikel.

“Il-ħidma diversa tal-Aġenzija hija strumentali biex tiżgura l-kwalità tas-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-provvista tal-ikel f’Malta filwaqt li tappoġġja lill-bdiewa lokali u trawwem settur tal-ikel reżiljenti.”

“Nemmnu li l-bdiewa huma s-sinsla tas-sistemi tal-ikel tagħna u hija r-responsabbiltà tagħna li nappoġġjawhom b’kull mod possibbli,” temm jgħid is-Sur Vella. 

“Il-Gvern investa miljuni ta’ ewro għar-reżiljenza tal-produtturi tal-ikel”

Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said qalet li bħala Gvern irridu nassiguraw li l-ikel jibqa’ aċċessibbli għal kulħadd, jibqa’ ekonomikament affordabbli, li l-ikel prodott lokalment jibqa’ nutrittiv u li l-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-konsum attwali tal-produzzjoni tal-ikel tagħna jkunu sostenibbli.

“Dawn l-erba’ pilastri mhumiex kwistjonijiet iżolati li jistgħu jiġu indirizzati separatament. Fl-aħħar snin, il-Gvern investa ħafna f’dawn is-setturi. Matul il-pandemija u anke issa waqt il-gwerra fl-Ukrajna, il-Gvern investa miljuni ta’ ewro għar-reżiljenza tal-produtturi tal-ikel tagħna,” qalet is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.

Hija saħqet li din l-assistenza ma kinitx intiża biss biex tgħin lill-bdiewa u s-sajjieda nfushom iżda wkoll sabiex tiżgura li l-produzzjoni tal-ikel tkompli. L-ispejjeż addizzjonali li l-bdiewa u s-sajjieda kellhom iħabbtu wiċċhom magħhom tal-fjuwil u l-fertilizzant, ġew assorbiti mill-gvern b’tali mod li l-prodotti jibqgħu affordabbli għaċ-ċittadini.

“Il-ħela mhux biss għandha tiġi indirizzata imma mrażżna”

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo qal li l-Jum Dinji tal-Ikel iservi bħala opportunità biex nieħdu “stock” tal-progress li sar fil-ħolqien ta’ sistemi tal-ikel aktar tajbin għas-saħħa u biex inġeddu l-impenn ta’ dan il-Gvern li jibni sistemi tal-ikel aktar robusti u rispettużi.

Huwa saħaq li l-pjan strateġiku ta’ Malta għall-Politika Agrikola Komuni jinkludi aktar minn €30 miljun biex jappoġġja l-investiment fost oħrajn fil-ħażna, ir-riċiklaġġ, il-ġbir u t-trattament tal-ilma. Dwar il-ħela tal-ikel, huwa saħaq li din mhux biss għandha tiġi indirizzata imma mrażżna.

Il-Ministru Refalo temm jgħid li jinsab kburi li jagħmel parti minn tim impenjat li jkompli jagħmel riformi kbar f’dan is-settur.

Id-Deputat Speaker tal-Kamra tad-Deputati David Agius tkellem dwar il-kriżi tal-ikel bnin li qed tikkawża tbatija lil tant bnedmin fil-pajjiżi l-aktar foqra fid-dinja. Huwa qal li kull persuna umana għandha d-dritt li tgħix u tgħix ħajja dinjituża.

Huwa saħaq li l-figuri ppubblikati kemm mill-FAO, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-UNICEF, il-Fond tal-Ġnus Magħquda għat-Tfal, juru kemm hi gravi s-sitwazzjoni attwali tan-nuqqas tal-ikel fid-dinja.  

Aktar minn 900 miljun ruħ fid-dinja ma għandhomx ikel.  Il-maġġor parti minnhom jgħixu f’pajjiżi fqar ħafna.  In-nuqqas ta’ ikel fost it-tfal qed twassal biex ħafna mit-tfal taħt il-ħames snin imutu bil-ġuħ.   Dawk it-tfal li jgħixu, huma nieqsa minn ikel bnin u sustanzjuż u l-futur tagħhom hu wieħed imċajpar.

Id-Deputat Speaker saħaq u appella lill-komunità internazzjonali sabiex tieħu azzjoni immedjata u tanġibbli biex tiżdied il-produzzjoni tal-ikel fid-dinja.  Pajjiżi għonja, inkluż l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, għandhom jikkollaboraw aktar ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali biex jitfassal pjan ta’ azzjoni biex tiżdied il-produzzjoni tal-ikel fid-dinja, bil-pajjiżi fqar jingħataw l-għajnuna meħtieġa fil-biedja u s-sajd, l-għan aħħari għandu jkun li dawn is-setturi vitali għal ħajja jikbru biex isiru għajn ta’ dħul ekonomiku ewlieni.

F’din il-konferenza ħadu sehem għadd ta’ delegati kemm Maltin u barranin kif ukoll il-Membri Parlamentari Anthony Bezzina Ivan Bartolo.

Sport