Friday, December 27, 2024

Approvata l-liġi l-ġdida al-OHSA

Aqra wkoll

Il-Parlament b’mod unanimu approva t-Tielet Qari tal-Abbozz ta’ Liġi dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol. Din il-liġi se tibni fuq it-tajjeb li sar f’dawn l-aħħar 20 sena filwaqt li tindirizza r-realtajiet ġodda li qiegħed jaffaċċja pajjiżna.

Din il-liġi l-ġdida se tkun qed twassal fost l-oħrajn għal penali iktar b’saħħithom li verament se jkunu qed jaħdmu ta’ deterrent għal dawk li s’issa kienu għadhom qegħdin jabbużaw mis-salvagwardja tas-saħħa u s-Sigurtà fuq ix-xogħol. Din tinrabat b’mod dirett mal-ħidma li qed issir biex jiżdiedu r-riżorsi umani.

Il-Bord tad-Diretturi se jkollu s-saħħa li mhux biss imexxi elementi ta’ Governanza imma wkoll jibqa’ għaddej b’konsultazzjoni ma’ stakeholders b’mod kontinwu. Bl-istess mod it-tmexxija tal-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) se jkollha s-saħħa li timplimenta mal-ewwel ir-riformi kollha li se joħorġu minn din il-liġi.

Bil-għan li jkun hemm proċess aktar effettiv u effiċjenti, din il-liġi se tkun qed tara wkoll li jiġi introdott tribunal u b’hekk jonqsu wkoll il-każijiet li jispiċċaw quddiem il-qorti.

L-OHSA se tkun qed tingħata wkoll iżjed saħħa biex f’każ ta’ ħtieġa ta’ tibdil t’emerġenza f’oqsma jew lantijiet tax-xogħol partikolari, tkun tista’ ddaħħal miżuri biex tipproteġi lill-ħaddiema f’sitwazzjonijiet partikolari bħal ngħidu aħna sitwazzjoni ta’ maltempati kbar li tista’ tpoġġi lill-ħaddiema f’periklu u riskju li jidħlu fi spejjeż żejda ngħidu aħna l-ħaddiema Għawdxin li jaqsmu lejn Malta fi żmien meta jkun imbassar jieqaf l-operat tal-vapur għal ġranet sħaħ.

Se jkun qiegħed jinħoloq ukoll rwol ġdid (HSRO). Dan l-uffiċjal għoli se jkun responsabbli għar-rappurtar dwar is-saħħa u s-sigurta fil-kumpaniji u fl-entitajiet li minn żmien għal żmien se jkunu identifikati li huma ta’ riskju għoli. Dan l-uffiċjal se jkollu l-kompitu li jissorvelja, jinvestiga u jekk il-kumpanija ma tiħux il-passi neċessarji, jirraporta lill-Awtorità.  

Permezz ta’ din il-liġi l-ġdida għalhekk, se jkunu qed jibqgħu jogħlew dejjem aktar l-istandards tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. L-OHSA se tkun qed tingħata iżjed saħħa sabiex tkompli tilħaq l-objettiv tagħha u l-enfasi tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol mhux se tibqa’ biss fuq is-settur tal-kostruzzjoni iżda tkompli ttejjeb ukoll fuq setturi oħrajn.

Ekonomija

Sport