Friday, December 20, 2024

Approvati żewġ liġijiet importanti dwar l-arrest u d-detenzjoni u l-proċedura relatata mar-rikavat mill-kriminalità

Aqra wkoll

Il-Parlament għadu kemm approva żewġ liġijiet importanti dwar l-arrest u d-detenzjoni u l-proċedura relatata mar-rikavat mill-kriminalità.

L-abbozz li jittratta l-arrest u d-detenzjoni kien jirrikjedi emendi kostituzzjonali u dan se jippermetti li l-arrest ta’ persuni raġonevolment suspettati b’reati serji, li jġorru piena ta’ 12-il sena priġunerija jew aktar, jiġi estiż b’massimu ta’ 48 siegħa oħra b’ordni tal-Maġistrat.

“Permezz ta’ din il-liġi se nkunu qegħdin noffru aktar għodod effettivi lill-Pulizija biex ikunu jistgħu jagħmlu investigazzjoni f’każi ta’ reati li jkunu jirrikjedu li l-persuna suspettata b’reat serju tinżamm għal żmien itwal taħt detenzjoni. Kif ġie enfasizzat anke fi stadju ta’ Kumitat, l-applikabilità ta’ din il-liġi għandha tkun l-eċċezzjoni u mhux in-norma. Din hija liġi li tirrifletti wkoll passi li ttieħdu f’pajjiżi oħrajn biex jirrispondu għal reati kumplessi li żviluppaw matul is-snin”, saħaq il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard.

Il-Parlament approva wkoll l-abbozz li jemenda l-Att dwar ir-rikavat mill-kriminalità. Dan huwa abbozz ta’ liġi li mhux biss joħloq proċedura uniformi fejn ikun possibbli, fil-proċeduri għas-sekwestru, l-iffriżar u l-konfiska tar-rikavat mill-kriminalità kif japplikaw skont liġijiet varji, imma wkoll jirrispondi għal proporzonalità meħtieġa f’tali ordnijiet hekk kif mitlub mill-Qrati Maltin u kif ukoll mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.

Il-proċess parlamentari, fid-diversi stadji imma partikolarment fl-istadju ta’ Kumitat, wassal biex dan l-abbozz ikompli jissaħħaħ, b’tali mod li jintlaħaq bilanċ aktar ġust bejn il-ħtieġa ta’ interess pubbliku li jinħarġu tali ordnijiet u d-drittijiet tal-persuna suspettata, akkużata jew imputata li ma titqiegħedx f’sitwazzjoni ta’ rovina finanzjarja mingħajr ma tkun instabet ħatja.

B’dawn l-emendi kull reat baqa’ reat u ebda piena ma ġiet emendata. Fir-reati marbuta mad-droga, li f’pajjiżna jġorru piena massima ta’ għomor il-ħabs, se tibqa’ tapplika l-istess proċedura fis-seħħ qabel ma’ daħlu dawn l-emendi.

Dawn l-emendi jistabbilixxu, fost l-oħrajn, l-obbligu li jiġi stabbilit il-propjetà u assi speċifiċi li għandhom ikunu suġġetti għal Ordni ta’ Qbid u Ffriżar u s-setgħa li l-Qorti tvarja tali ordni, fuq talba tal-Imputat jew tal-Prosekutur.

Il-Liġi tintroduċi wkoll il-possibbiltà ta’ żieda fl-ammont li jkun jista’ jiġi rilaxxat lill-imputat għall-għejxien diċenti tiegħu u tal-familja waqt li l-kawża tkun pendenti. Proċeduralment se tkun ukoll il-Qorti Kriminali, li wara li tiddeċiedi fuq il-ħtija se tkun qiegħda tistabbilixxi u tidentifika l-valur u l-assi li għandhom ikunu konfiskati.

“Irridu nkomplu naħdmu għal soċjetà fejn kulħadd u mingħajr ebda distinzjoni jkun kontabbli ta’ għemilu imma rridu nassiguraw ukoll li l-liġijiet jkunu jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-ħtieġa ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva għall-miżuri li jittieħdu. Dawn huma żewġ leġiżlazzjonijiet importanti fil-ħidma li qed titwettaq għal ġustizzja effiċjenti imma wkoll effettiva kontra l-kriminalità”, qal il-Ministru Jonathan Attard.

Ekonomija

Sport