Sunday, December 22, 2024

ARA: 16-il proġett ambjentali b’investiment ta’ €10 miljun

… flimkien se jkopru spazju 10 darbiet id-daqs tal-Fosos tal-Furjana

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

16-il lokalità f’Malta u Għawdex se jkollhom spazji ħodor ġodda fejn il-familji Maltin se jkollhom il-ħin li jgawdu minn ambjent nadif u qrib tar-residenzi tagħhom. Dan se jsir b’investiment ta’ €10 miljun kofinanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea u li l-Aġenzija Project Green mistennija li tibda x-xogħol fuqhom fi żmien qasir.

Dawn il-proġetti flimkien se jfissru total ta’ 80,000 metru kwadru fi spazji miftuħa għan-nies, li jammontaw għal spazju ta’ għaxar darbiet id-daqs tal-Fosos tal-Furjana.

Dan tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela fil-preżenza tal-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli. Ġie spjegat kif dawn il-proġetti tħabbru bħala parti mill-iskema tal-Community Greening Grant.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru rrimarka li huwa kellu ċ-ċans li jiltaqa’ mal-familji u mingħandhom jisma’ x-xewqat tagħhom. Fost l-akbar xewqat tan-nies kien hemm aktar spazji ħodor f’pajjiżna u kien għalhekk li se jinħolqu dawn l-ispazji.

Qal ukoll li permezz ta’ dawn l-ispazji ħodor, se tkun qiegħda titwettaq wegħda oħra li kien hemm fil-manfest elettorali u li l-mira hi li dawn il-proġetti jitlestew sas-sena 2025.

Min-naħa tagħha, il-Ministru Miriam Dalli saħqet fuq l-importanza ta’ dawn il-proġetti u qalet li huwa ta’ sodisfazzjon li l-Aġenzija Project Green, qiegħda tikkollabora ma’ għaqdiet anke dawk mhux governattivi sabiex ikunu jistgħu jitwettqu proġetti bħal dawn.

Il-Ministru Dalli saħqet li Project Green irċeviet madwar 72 applikazzjoni, li 58 minnhom kienu mill-Kunsilli Lokali. Hija qalet ukoll li dawn il-proġetti se jkunu qegħdin itejbu l-lokalitajiet, bil-għan li familji ma jkollhomx bżonn jivvjaġġaw biex jaslu f’dawn il-postijiet ta’ mistrieħ.

Il-proġetti huma dawn li ġejjin:

  • Hospice Landscape Garden f’Santa Venera – Ġnien b’servizz għall-pazjenti b’kura paljattiva u se jkun aċċessibbli għall-pubbliku.
  • Fruit Forest fl-Imtarfa – Se jkun fil-qalba ta’ qasam tad-djar u din iż-żona se tinbidel fi spazju miftuħ ta’ 3,000 metru kwadru b’160 siġra u 400 arbuxell, li titmexxa fil-komunitá. 
  • Ġnien Malti f’Birkirkara – Ġnien b’ħidma tal-għaqda mhux Governattiva Grow 10 Trees. Iż-żona se tinbidel fi ġnien botaniku u fost oħrajn se jinkludi bank ta’ żrieragħ għall-pjanti indiġeni. Se jitħwalu iktar minn 2,000 siġra b’12,000 persuna se jgawdu minn dan il-ġnien.
  • Ġnien Reggie Miller fil-Mosta – Ġnien se jkun qed jinsab wara l-Bażilika Mosta u se jinbidel fi spazju ta’ 2,000 metru kwadru li jintegra mal-kumplament tat-toroq fil-pjazza. L-idea hi tingħata prijorità lil spazji ħodor u se jgawdu minnhom mal-14,000 persuna.
  • Ġnien Triq il-Għasel fil-Mellieħa – Ġnien ta’ 2,000 metru kwadru fi spazju miftuħ li bħalissa hu mitluq u bħalissa jintuża biss biex jintrema l-iskart.
  • Taż-Żebbuġ Picnic Site f’Ħal Għaxaq – Dan se jkun park tal-familja ta’ 22,000 metru kwadru u se jkun park totalment ġdid. Bħalissa din qed tintuża b’mod illegali bħala dumping site u minflok fiha se jitħawlu 1,100 siġra. Dan il-park se jkollu mogħdijiet aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità mingħajr ma jintuża l-konkrit.
  • Rainwater Harvesting Park f’Għajnsielem – Se jinħoloq spazju miftuħ ġdid. Dan il-park se jara wkoll restawr ta’ tliet ċisterni. Fil-fatt f’dan il-park jinġabar ħafna ilma fih u b’hekk se jkunu qed jinġabru 84,000 metru kubu ta’ ilma. Dan il-park se jkun mifrux fuq 1,100 metru kwadru u se jibbenefikaw minnu mal-1,000 ruħ.
  • Pjazza Victor Denaro fl-Imsida – Din il-pjazza tinsab qrib tal-iskola l-ġdida. Permezz ta’ dan il-proġett, se tinbidel f’waħda aktar ħadra u li telimina t-traffiku miż-żona, bil-għan li jitgawda mill-istudenti.
  • Simar Nature Reserve f’San Pawl il-Baħar – L-applikant għal dan il-proġett kien il-BirdLife. Hawn se jkun hawn 4,000 metru kwadru ta’ spazju li bħalissa qed jiġu abbużat b’rimi ta’ skart illegali. Dan il-proġett se jara li jinkludi picnic area mżewġa mal-aspett ambjentali.
  • Tal-Kavallerizza f’Marsaxlokk – Dan se jkun Park tal-Familja bi spazju li jkopri mal-4,500 metru kwadru u li se jkun qed jinsab viċin il-grawnd tal-futbol. Il-ħsieb huwa li ż-żona tikber għal 5,000 metru kwadru u huwa pjanat li jiddaħħlu kunċetti ta’ bijodiversità.
  • Green Shelter fil-Gżira – Spazju aħdar ħdejn waħda mill-iktar waqfiet tal-linja li jużaw in-nies fil-Gżira.
  • Ta’ Xwieki Sports Park fil-Għargħur – Hawn se jsir ġnien fi spazju li seta’ jinbena u li jkopri iktar minn 2,000 metru kwadru. Dan il-park se jkun qed iħaddan fih l-element sportiv
  • New Leaf Park f’Bormla – Park li se jkun qed ikopri 4,200 metru kwadru u se jkun fih element ta’ ambjent u edukazzjoni.
  • Ġnien Mediterran f’Raħal Ġdid – Spazju ta’ 21,000 metru kwadru viċin l-MCAST. Dan l-ispazju se jiġi mibdul mill-qiegħ u se tolqot direttament b’mod pożittiv 18,000 persuna.
  • Pjazza Karmelitani fiż-Żurrieq – Żona ta’ 1,000 metru kwadru. Din iż-żona bħalissad tagħti l-prijorità lill-karozzi u issa se tiġi mibdula fi spazju miftuħ.
  • Pietà Playground fil-Pietà – Se jinbidel dak li llum huwa bandli fi spazji ħodor u se jiddaħħal element ta’ parkour. Dan l-ispazju se jkopri b’kollox 1,500 metru kwadru.
Ekonomija

Sport