Friday, May 3, 2024

Tibda tfittxija oħra għal McCann f’ġibjun fil-Portugall

Huwa mifhum li s-suspettat ewlieni bil-ħtif ta’ McCann kien jiffrekwenta dan il-post ta' spiss u kien isejjaħlu “l-ġenna” tiegħu

Aqra wkoll

Fil-Portugall għadha kemm skattat tfittxija ġo ġibjun kbir bit-tama li jinxteħet dawl ġdid fuq l-għajbien tat-tfajla Ingliża Madeleine McCann. Dan hekk kif huwa mifhum li s-suspettat ewlieni bil-ħtif ta’ McCann, Christian Brueckner, kien jiffrekwenta l-imsemmi post ta’ spiss.

Christian Brueckner, ir-raġel ta’ 45 sena li bħalissa qed jiskonta sentenza ta’ priġunerija l-ħabs fuq stupru, kien jirreferi għal din l-għadira bħala “l-ġenna” tiegħu.

It-tmexxija tat-tfittxija, mitluba mill-awtoritajiet Ġermaniżi, se tkun immexxija mill-Pulizija Ġudizzjarja megħjuna mill-awtoritajiet Ingliżi.

Għaddasa tal-Korp tal-Pulizija, għall-ħabta tad-9:00 a.m. (ħin lokal), dehru jħufu fl-ilma biex taw bidu għat-tfittxija tagħhom, akkumpanjati minn dgħajsa tal-Pulizija b’żewġ uffiċjali abbord.

L-uffiċjali inkarigati minn din l-investigazzjoni għalqu l-aċċess għall-pubbliku minn medda ta’ mil mill-Barragem do Arade, qrib Silves, f’Algarve — 25 mil ‘il bogħod mill-post li sparixxiet minnu ċ-ċkejkna ta’ tliet snin lura fl-2007.

Il-Pulizija Portugiża kkummentat għall-ewwel darba dwar din l-operazzjoni li bdiet mil-lum fl-aħħar sigħat: “Il-Pulizija Ġudizzjarja tikkonferma li rigward l-investigazzjoni fil-konfront tal-għajbien ta’ tifla Ingliża fl-età ta’ tliet snin f’Algarve fl-2007, għadhom qed jittieħdu l-passi neċessarji sabiex jinxteħet dawl ġdid fuq is-sitwazzjoni”.

Sport