Wednesday, July 24, 2024

ARA: Aktar minn 100 mejtin fl-agħar terremot fiċ-Ċina fi 13-il sena

Aqra wkoll

Mill-inqas 118-il persuna tilfu ħajjithom fil-Majjistral taċ-Ċina fl-aktar terremoti fatali fil-pajjiż fi 13-il sena.

It-terremot li kejjel is-6.2 fuq l-iskala richter laqat il-provinċja ta’ Gansu għall-ħabta ta’ nofsillejl tat-Tnejn (16:00 GMT), u kienu affettwati wkoll il-ġirien f’Qinghai. Skont rapporti kien hemm madwar 10 theżżiżiet oħra li segwew dan it-terremot.

L-imwiet jistgħu jibqgħu tilgħin hekk kif hemm mijiet irrappurtati midruba f’kundizzjonijiet ta’ kesħa li xejn mhi tgħin.

Il-President Ċiniż Xi Jinping ordna biex eluf ta’ uffiċjali ta’ salvataġġ imorru lejn ir-reġjun li huwa fost l-ifqar u l-aktar diversi fiċ-Ċina.

Nhar it-Tlieta, filmati murija fuq it-televiżjoni tal-istat u n-netwerks tal-midja soċjali wrew irħula sħaħ maqsumin kawża tat-terremot, kif ukoll bini u djar mwaqqgħin.

Fost dawk li salvaw kien hemm min qal li t-theżżiżiet kienu qishom qegħdin jinġarru minn mewġ qawwi, u ddeskrivew is-sitwazzjoni ta’ disperament huma u ħerġin mill-appartamenti tagħhom. “Qajjimt lill-familja tiegħi u nżilna s-16-il sular kollha f’nifs wieħed,” qal wieħed minnhom.

Uffiċjali f’Jishishan – l-aktar parti milquta fil-provinċja ta’ Gansu, qalu li aktar minn 5,000 binja spiċċaw imġarrfa.

Nhar it-Tlieta, Xinjiang, il-provinċja tal-punent ta’ Gansu, irreġistrat ukoll terremot ta’ qawwa ta’ 5.5, iżda ma kien hemm l-ebda rapporti immedjati ta’ vittmi.

Settembru li għadda, aktar minn 60 persuna nqatlu meta terremot ta’ 6.6 laqat il-provinċja ta’ Sichuan.

It-terremot ta’ Gansu huwa l-iktar wieħed li ħalla vittmi waea dak f’Yushu li fl-2010 ħalla kważi 2,700 persuna mejta.

Ekonomija

Sport