Wednesday, March 27, 2024

AĠĠORNAT: Jaqbżu l-1,200 l-għadd ta’ persuni li mietu wara li terremot qawwi laqat in-Nofsinhar tat-Turkija

Aqra wkoll

Minn tal-inqas 1,200 persuna mietu f’żewġ pajjiżi wara li terremot qawwi laqat lin-Nofsinhar tat-Turkija, f’dak meqjus bħala wieħed mill-akbar terremoti li qatt seħħew madwar ir-reġjun għal dawn l-aħħar 100 sena. 

It-terremot b’qawwa ta’ 7.8 seħħ għall-ħabta tal-4.00 a.m. tal-lum, 23 kilometru fil-Lvant ta’ Nurdagi, fil-provinċja ta’ Gaziantep, f’fond ta’ 24.1 kilometri. Nurdagi tinsab tul il-fruntiera bejn it-Turkija u s-Sirja, u t-terremot inħass f’diversi pajjiżi madwar ir-reġjun, inkluż is-Sirja u l-Libanu.

Il-President Tork Recep Tayyip Erdogan qal li 912-il persuna mietu fit-Turkija filwaqt li aktar minn 5,300 oħra sfaw midruba. Min-naħa l-oħra, l-aġenzija tal-aħbarijiet statali tas-Sirja rrappurtat li kien hemm aktar minn 320 mejta fil-pajjiż, b’aktar minn 1,000 jisfaw midruba. Għexieren ta’ nies oħra jinsabu maqbuda qalb it-tifrik, skont il-grupp White Helmets, magħruf bħala Syria Civil Defence, organizzazzjoni umanitarja ffurmata biex issalva nies midruba f’kunflitt.

It-terremot seħħ xħin ir-residenti x’aktarx kienu reqdin u għaldaqstant ma kinux ippreparati għal din l-eventwalità. Filmat mit-Turkija li ċċirkola fuq il-midja soċjali wera diversi bini mġarraf, filwaqt li residenti oħra jidhru mbeżża’ jduru fit-toroq mudlama. Il-ħaddiema tas-salvataġġ jidhru wkoll jagħmlu operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ.

It-terremot tal-lum huwa maħsub li kien l-aktar wieħed qawwi li laqat lit-Turkija sa mill-1939, meta terremot tal-istess qawwa kien qatel 30,000 ruħ. Terremoti bħal dawn huma rari, b’inqas minn ħamsa jseħħu bħala medja kull sena, madwar id-dinja kollha.

Ekonomija

Sport