“Dan il-ħanut bdih missieri u ilu f’dan il-post għal aktar minn 60 sena. Missieri kien ħajjat u kellu l-ispazju biex ikabbar in-negozju tiegħu minn dak tal-ħjata għal ħanut li jbigħ il-ħwejjeġ lesti u hekk kien għamel.
Jien u marti Rita ilna hawnhekk 50 sena u dejjem ibbażajna fuq servizz ta’ kwalità u effiċjenza. Kellna ħafna opportunitajiet li naqsmu l-ħanut bejn il-ħwejjeġ tal-irġiel u tan-nisa. Però aħna dejjem qbilna li nispeċjalizzaw fil-ħwejjeġ tal-irġiel biss aktar milli jkollna ċertu taqlib.
Fil-bidu konna nixtru ħwejjeġ minn ċertu ditti Maltin stess, madanakollu maż-żmien dawk ta’ barra bdew jingħataw prijorità. Minħabba li għażilna li mmorru għall-kwalità bdejna mmorru aktar għad-ditti. Għalkemm il-prezzijiet setgħu kienu daqsxejn ogħla minn dawk ta’ ħwejjeġ komuni, qatt ma qażżiżnieha fil-prezzijiet. Tant hu hekk li l-klijenti kienu jkunu jafu fejn ġejjin jixtru. Kienu jafu x’se jiġu jfittxu u jafu wkoll li kienu se jingħataw garanzija ta’ kwalità u servizz f’post wieħed.
Rajna l-bidliet tal-moda, aġġornajna, irranġajna l-ħanut li jiġi aktar addatat għall-ħwejjeġ tal-irġiel u ma kinitx xi ħaġa faċli li nieħdu din id-deċiżjoni wara daqstant snin.
Imma ż-żmien jiddetta u wasal iż-żmien li nagħlqu l-bieb. B’dispjaċir, imma jekk Alla jrid issa naħseb li ħaqqna li ngawdu ż-żmien li fadlilna anke minħabba li l-ħanut dejjem ħadna ħsiebu aħna u b’hekk konna pjuttost marbutin bl-impenn tagħna hawnhekk.
Ovjament jiena u Rita nieħdu l-opportunità biex nirringrazzjaw lill-klijentela kollha ta’ Ċensinu Menswear li matul dawn is-snin kollha afdaw fina biex b’responsabbiltà u b’umiltà ngħinuhom jagħżlu l-aktar ħwejjeġ addatati skont l-okkażjoni li kien ikollhom. Punt ieħor importanti għas-suċċess tagħna fin-negozju kienet ir-reputazzjoni. Aħna dejjem ħassejna li kien id-dmir tagħna li niggwidaw lill-klijent biex jagħżel il-ħwejjeġ. Qatt ma konna t-tip ta’ persuni li l-aqwa li nbigħu.
L-appell aħħari tiegħu huwa li t-tmiem tagħna jista’ jkun il-bidu ta’ xi ħadd li qed jaspira li jibda negozju simili. Nittama li dan il-parir ikun utli għalihom għaliex sfortunatament illum ċertu kwalitajiet mill-bejjiegħ naqsu meta aħna nemmnu li s-suċċess tagħna kien kollu bbażat fuq din il-ħaġa”.