Fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Pietru fil-Ktajjen f’Birżebbuġa ngħatat l-aħħar tislima lill-pumpier Joseph Zammit – ir-raġel ta’ 48 sena li tilef ħajtu l-Ħadd li għadda waqt il-qadi ta’ dmirijietu f’Pembroke.
“Insellmu lil Joseph, missier, iben, ħabib u preżenti sew fil-ħajja soċjali tar-raħal tagħna. Qatt waħdu, dejjem mal-familja u l-ħbieb tiegħu… għex il-motto tal-Protezzjoni Ċivli: insalvaw u nipproteġu,” beda l-omelija tiegħu l-konċelebrant tal-quddiesa.

“Għex biex isalva u jħares il-ħajja … dejjem poġġa l-ħajja tal-oħrajn fuq quddiem. Joseph kien dejjem lest jissogra ħajtu għal ħaddieħor, mingħajr ma jħares lejn uċuħ”.

Huwa kompla jiddeskrivi lil Joseph bħala raġel kuraġġuż u qalbieni, kif fil-fatt jista’ jiġi kkonfermat minn filmat li kien deher fih “nieżel f’baħar jibla’ l-art biex isalva żewġ persuni”. Kien bniedem li dejjem tkellem b’passjoni kbira fuq xogħlu, iżda fuq kollox dejjem ħabb lill-familja tiegħu li dejjem kienet fuq fommu, tant li għaraf jagħti ħajtu mhux biss fix-xogħol, iżda wkoll għall-ħbieb, il-familja (martu u wliedu), fl-ambjenti tal-parroċċa u tar-raħal; kien bniedem li jħobb lil kulħadd.

Preżenti għall-funeral kien hemm ukoll id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Peter Paul Coleiro, l-Aġent Prim Ministru Owen Bonnici, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.