Saturday, May 4, 2024

PROPORZJONALITÀ

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Il-liġijiet Ewropej huma maħsuba biex japplikaw mal-Unjoni Ewropea kollha. Meta jagħmlu dan, ikunu qed idaħħlu l-istess kriterji u l-istess mod ta’ kif għandhom isiru l-affarijiet għal sitwazzjonijiet li f’ħafna każi huma differenti sew minn xulxin. L-argument li mhux kulħadd jiġih l-istess żarbun ilu magħruf u ma jistax jiġi mwarrab qisu kien bla siwi.

Fost id-differenzi bejn reġjun u ieħor hemm dak, ovvju, tad-daqs. Komunità ċkejkna ma titmexxiex bl-istess riga li tintuża għal waħda kbira ħafna. Biex jilqgħu għal din id-differenza evidenti, ir-regolamenti u d-direttivi li joħorġu minn Brussell ta’ spiss jinvokaw il-prinċipju tal-proporzjonalità.

Il-mod kif jiġu mħaddma l-liġijiet Ewropej irid ikun proporzjonali għaċ-ċirkostanzi nazzjonali jew reġjonali li jinsabu lokalment. Biss xorta jqumu problemi dwar hekk. Għal liema sitwazzjonijiet tapplika l-proporzjonalità? Għall-ħruġ ta’ kuntratti ffinanzjati mill-Ewropa? Għall-kejl ta’ kif jitqiesu l-kunflitti ta’ interess? Għal kif jitħaddmu s-sussidji fuq servizzi mitqiesa jew le, bħala essenzjali?

AŻIL

Mill-immigranti rregolari li resqin lejn l-Ewropa kemm huma dawk li jagħmlu hekk biex ifittxu l-ażil? Ma jidhirlix li huma l-maġġoranza, bil-maqlub. Aktar huma nies li qed ifittxu fejn ikunu jistgħu jaħdmu.

Issa jekk qed jaħarbu mill-ġuħ jew faqar ta’ pajjiżhom biex ifittxu ħajja aħjar, veru, tista’ tgħid li qed ifittxu ażil minn kundizzjonjiet ta’ ħajja li se jeqirduhom daqs l-aqwa persekuzzjoni. Min dal-lat, qed ifittxu “ażil”. Imma dan mhuwiex is-sens li jingħata ġeneralment lil din il-kundizzjoni, sens li mbagħad jiġġustifika kif min qed ifittex l-ażil, għandu jingħata trattament speċjali ta’ mogħdrija mill-pajjiżi fejn jasal.

Il-kunċett jgħodd l-aktar għal min hu refuġjat – kellu jaħrab minn pajjiżu maħkum mill-gwerra jew għax b’li jinsab għaddej hemm, ħajtu tinsab taħt periklu kbir.

VLEĠEĠ

Bir-raġun qajjem emozzjoni kbira fl-Italja il-kraxx ta’ ajruplan mill-FrecceTricolori waqt li t-tim ta’ aerobazija kien tielaq biex jagħti wirja. L-ajruplan laqat karozza ta’ familja li kienet għaddejja. Tifla ta’ ħames snin inħarqet ħajja ġo fiha.

Aċċident li seta’ jiġri f’xenarji oħra, se jintqal. Il-Frecce Tricolori huma magħrufa għall-maestrija tagħhom, l-istess bħat-tim tar-Royal Airforce Brittaniku, ir-Red Arrows. Xorta hemm xi ħaġa li nsib xejn komfortabbli f’dat-tip ta’ wirjiet.

Jinvolvu perikli, mhux le. Snin ilu fil-bażi ta’ Ramstein fil-Ġermanja kienu mietu għexieren f’aċċident li baqa’ msemmi. L-ispettaklu li jagħtu l-bdoti hu tassew…. spettakolari, m’hemmx kelma oħra. Imma possibbli ma nistgħux ngħaddu mingħajru? – f’daż-żmien fejn minħabba t-tisħin tal-klima, jintqal ma’ kullimkien li għandna nnaqqsu kemm inwaddbu karbonju fl-atmosfera? B’hekk nevitaw żgur traġedji orribbli bħal tat-tifla maħruqa ħajja.

Sport