Żagħżugħ tilef ħajtu f’inċident tat-traffiku fi Triq Mikiel Anton Vasalli f’San Ġiljan, direzzjoni lejn il-Gżira.
Mill-ewwel informazzjoni li kisbet Talk.mt minn fuq il-post jidher li l-inċident seħħ għall-ħabta tas-2.15 a.m meta għal xi raġuni l-vittma – li mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li huwa żagħżugħ Daniż u għandu 25 sena – ittajjar minn karozza tal-għamla Honda Accird misjuqa minn raġel ta’ 44 sena residenti l-Mosta. Konsegwentament huwa sofra ġrieħi serji f’rasu.
Tim mediku mill-Isptar Mater Dei assista minnufih, iżda sfortunatament iż-żagħżugħ ġie ċertifikat mejjet fuq il-post.
It-triq kellha tingħalaq kompletament għat-traffiku sakemm isiru l-investigazzjonijiet neċessarji.
Issejħu wkoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex ikunu jistgħu jnaddfu l-post minħabba fost affarijiet oħra ammont sostanzjali ta’ dmija li hemm fuq il-post.
B’rabta ma’ dan il-każ infetħet inkjesta maġisterjali mmexija mill-Maġistrat tal-Għassa Dr Joseph Gatt LL.D filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.