Monday, May 13, 2024

UNL tan-Nisa: Il-Maltin jiddominaw għal kollox lil Andorra

Aqra wkoll

Malta ……….5

Andorra ……0

F’partita valida minn Grupp C ta’ League C1 tal-UEFA Nations tan-Nisa, Malta għelbet lil Andorra bl-iskor ta’ 5-0 biex għamlet pass kbir lejn il-kwalifikaz­zjoni għal League B.

Il-Maltin għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-partita u fetħu l-iskor fis-17-il minuta, meta wara li rċeviet minn cross ta’ Ann Marie Said, HALEY BUGEJA kienet fil-post it-taj­jeb fil-mument opportun u permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża tefgħet il-ballun fir-rokna tax-xibka, b’dan ikun l-14-il goal tagħha bil-flokk tat-team nazzjonali Malti.

Fit-23 minuta, il-Maltin irduppjaw meta mill-corner mogħti minn Said, STEPHANIE FARRUGIA kkonkludiet b’daqqa ta’ ras bil-ballun jintemm fis-saqaf tax-xibka.

Wara dan il-goal, il-Maltin komplew jiddettaw u jiddominaw il-partita u, fl-40 minuta, resqu viċin it-tielet goal iżda minn pożiz­zjoni ideali Bugeja falliet il-mira.

Malta reġgħet ħolqot il-periklu erba’ minuti wa­ra permezz ta’ xutt mill-viċin ta’ Alishia Sultana li ġie mdawwar f’corner mill-goalkeeper ta’ Andorra, Luna Vazquez.

Il-Maltin kellhom bidu mill-aqwa fil-bidu tat-tieni taqsima meta fis-46 minuta, HALEY BUGEJA, daret taj­jeb ma’ difensura avversarja u minn pożizzjoni angolata fajret xutt li ntemm fir-rokna tax-xibka.

Fil-61 minuta, Bugeja kellha f’saqajha l-ballun  li bih setgħet tirreġistra l-hat-trick personali iżda x-xutt tagħha mill-viċin ġie salvat tajjeb minn Vazquez.

Fl-74 minuta, il-Maltin skorjaw ir-raba’ goal meta f’kontrattakk korali, MARIA FARRUGIA daret taj­jeb ma’ Vazquez u tefgħet il-ballun f’lasta vojta.

Fis-77 minuta, RACHEL CUSCHIERI ssiġillat ir-reb­ħa għal pajjiżna meta wara li rat it-tentattiv tagħha minn penalty salvat parzjalment minn Vazquez, mir-rebound, hija ma żbaljatx.

Fil-partita l-oħra, Latvja għelbu lil Moldova bl-iskor ta’ 5-0.

MALTA: 1:Janice Xuereb, 3-Ann-Marie Said, 4-Emma Lipman (16-Charlene Zammit 78), 5-Stephania Farrugia, 7-Ylenia Carabott (10-Maria Farrugia 59), 8-Rachel Cuschieri, 9-Alishia Sultana (11-Kailey Willis 59), 17-Brenda Borg (14-Shona Zammit 71), 18-Emma Xuereb (22-Jessica Lee Dimech 46), 20-Nicole Sciberras, 21-Haley Bugeja   – Coach: Manuela Tesse

ANDORRA : 12-Luna Vazquez, 3-Maria Moles (21-Laura Borja Martin 59), 4-Nesus Rosas, 5-Laie Sin (16-Noa Gallinat 71), 7-Sonia Del Barco (22-Miriam Tizon Fernandez 46)), 8-Maria Da Cruz, 9-Marina Muelas, 10-Maria Ruzafa, 13-Erica Goncalves (6-Teresa Armengol 71), 15-Paula Marques, 17-Iria Dominguez (19-Gemma Camin Lluch 46) – Coach: Jose Antonio Martin

REFEREE: Meliz Ozcigden (Turkija)

ASS. REFEREES: def Aktan, Merve Turan (Turkija)

RABA’ UFF: Cansu Tryak (Turkija)

SKORERS: H. Bugeja 17, 46, S. Farrugia 23, M. Farrugia 74, R. Cuschieri 77 (M)

AMMONITI: L. Sin (A) 

Sport