Thursday, April 25, 2024

Il-PM jgħid li l-umanità trid tirbaħ

Il-PM f’Summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell

Aqra wkoll

F’Summit tal-Kunsill Ewropew, il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Mexxejja Ewropej iddiskutew temi ta’ importanza relatati mal-iżviluppi fl-Ukrajna u Lvant Nofsani, ir-reviżjoni f’nofs il-perjodu tal-Budget Ewropew għal perjodu 2021-2027, l-ekonomija u l-immigrazzjoni. Is-Summit sar bejn is-26 u s-27 ta’ Ottubru fi Brussell u jkompli jibni fuq dak straordinarju li sar b’mod virtwali l-ġimgħa l-oħra.

“Irrid infaħħar il-progress li sar sa issa u nappoġġja l-pjan biex jiġi żgurat ftehim b’saħħtu sa tmiem is-sena. Dan il-ftehim għandu jkun pakkett u jinkludi fondi addizzjonali essenzjali biex tiġi indirizzata l-isfida tal-immigrazzjoni fost l-oħrajn; sfida li qed taffettwa ħafna mill-istati membri tal-Unjoni Ewropea.” Kien dan il-messaġġ importanti li tkellem dwaru l-Prim Ministru Abela fil-kuntest tal-Budget Ewropew magħruf bħala l-Multiannual Financial Framework (MFF). Huwa sostna li azzjoni konkreta hija kruċjali. Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-importanza ta’ riżorsi addizzjonali għal prijoritajiet esterni u b’mod aktar konkret nibnu alleanzi strateġiċi ma’ pajjiżi ġirien tagħna. Dan anke fl-isfond tal-fatt li ħafna mir-riżorsi allokati għal prijoritajiet bħal dawn meta oriġinarjament ġie maqbul dan il-Budget kellhom jiġu assenjati biex tingħata assistenza lill-Ukrajna. 

Fi Brussell, Dr Abela tkellem ukoll fuq l-aħħar żviluppi relatati mal-gwerra fl-Ukrajna u dik bejn l-Iżrael u l-Hamas. “L-appoġġ internazzjonali, speċjalment mill-pajjiżi tal-G7, jibqa’ wieħed fundamentali. Il-Gvern Malti jibqa’ jtenni s-sejħa għar-responsabbiltà ta’ dawk kollha li wettqu reati kontra l-Ukrajna, xprunati mill-prinċipji tal-liġi internazzjonali,” stqarr il-Prim Ministru fil-kuntest tal-gwerra fl-Ukrajna. Huwa rrimarka wkoll dwar l-irwol ta’ pajjiżna bħala aġent tal-paċi, partikolarment bis-sehem ta’ Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà u l-laqgħa ta’ livell għoli favur il-paċi fl-Ukrajna li se jospita pajjiżna fi tmiem din il-ġimgħa stess.

Rigward il-Lvant Nofsani, il-Prim Ministru kkundanna bla riservi l-attakk tal-Hamas fuq l-Istat Iżraelit u laqa’ l-ħelsien ta’ numru ta’ ostaġġi filwaqt li rrimarka dwar il-ħtieġa li jinħelsu l-ostaġġi kollha maqbudin f’Gaża. “L-għan aħħari tagħna huwa u jibqa’ s-sigurtà kemm taċ-ċittadini Iżraeljani, iżda wkoll li naraw li dawk Palestinjani ma jiġux massakrati. Dak li għaddej f’Gaża jinkwetana mhux ftit. Għalhekk filwaqt li nirrikonoxxu d-dritt tal-Iżrael li jiddefendi ruħu, nisħaq dwar l-importanza li l-azzjonijiet sussegwenti jkunu proporzjonati u konformi mal-liġi internazzjonali biex jipproteġu liċ-ċittadin komuni,” saħaq il-Prim Ministru. F’dan il-kuntest, Dr Abela afferma mill-ġdid dwar l-aspett umanitarju ta’ din it-traġedja fil-Lvant Nofsani.

“Il-kriżi umanitarja f’Gaża hija severa, u filwaqt li xi għajnuna waslet fir-reġjun, irid isir aktar. L-għajnuna umanitarja għall-Palestinjani għadha kruċjali u l-umanità trid tirbaħ.” Il-Prim Ministru laqa’ wkoll l-aħbar tal-Kummissjoni Ewropea li tittripla l-għajnuna umanitarja għall-Palestinjani filwaqt li tenna dwar l-għajnuna umanitarja li Malta qed toffri lill-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Għajnuna u x-Xogħlijiet. F’dan ir-rigward, il-Prim Ministru spjega wkoll kif Malta tibqa’ temmen fis-soluzzjoni ta’ żewġ stati u li għandu jsir kull sforz biex jiġu faċilitati diskussjonijiet dwar il-paċi.

Fuq is-suġġett tal-immigrazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li l-prevenzjoni tat-tluq mill-pajjiż tal-oriġini tibqa’ l-element ewlieni biex nindirizzaw l-isfidi li lkoll qed naffaċċjaw minħabba s-sitwazzjoni attwali tal-immigrazzjoni irregolari. “Għalhekk jeħtieġ li nżidu b’mod sinifikanti l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi ta’ oriġini billi nimplimentaw sħubija qawwija u strateġika bbażata fuq fiduċja reċiproka li konsegwentement tindirizza l-għeruq tal-isfida.”

B’rabta mas-settur ekonomiku, il-Prim Ministru qal li l-iżviluppi ġeopolitiċi u ekonomiċi reċenti, inkluż ir-rata tal-inflazzjoni, urew l-importanza tal-għaqda Ewropea quddiem dawn l-isfidi globali. Mill-ġdid, il-mexxejja Ewropej irrimarkaw dwar l-importanza tal-investiment fis-settur tal-enerġija. Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-provvisti tal-enerġija suffiċjenti u affordabbli huma prerekwiżit għas-suċċess taċ-ċittadini u n-negozji tagħna. “Huwa ċar li jekk irridu nsaħħu l-vantaġġ kompetittiv tal-Unjoni Ewropea f’xenarju globali ta’ sfidi dejjem akbar, irridu nkomplu nibnu ekonomija robusta u reżiljenti,” temm jgħid Dr Abela.

Sport