Monday, May 13, 2024

IL-BULLYING XI ĦAĠA TAL-LUM?

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem, sirna nafu b’każijiet ta’ bullying fuq tfal u adoloxxenti taħt it-18-il sena. Saħansitra kien hemm filmati fuq il-midja soċjali li wrew tifla tiġi attakkata minn grupp ta’ tfajliet oħra fil-Belt Valletta. Dan il-filmat qajjem rabja kbira fost il-pubbliku u saħansitra kien hemm min ikkummenta dwar il-bidla li saret fis-soċjetà anke jekk nemmnu li din il-kundanna ma tistax tinqata’ b’sempliċiment filmati li jixxandru fil-midja.

Filwaqt li nikkundannaw kull forma ta’ vjolenza, jagħmilha min jagħmilha u ġejja minn fejn ġejja, tqum il-mistoqsija jekk is-sitwazzjoni ta’ din l-istess vjolenza fost minorenni naqsitx, baqgħetx l-istess jew kif qed jingħad li żdiedet. Nemmnu li huma biss il-professjonisti li jaħdmu f’dawn l-oqsma, li jkollhom komunikazzjoni diretta ma’ dawn il-minorenni u l-ġenituri tagħhom, li jistgħu jagħtu stampa aktar ċara u realistika tas-sitwazzjoni preżenti.

Nemmnu li l-avvanzi li saru fit-teknoloġija, u anke l-fatt li llum sa minn tfal qegħdin ikunu fil-pussess ta’ mezzi elettroniċi vasti li sa ftit tas-snin ilu konna biss noħolmuhom, jilgħab parti kruċjali fl-iżvilupp tal-istess tfal. Tajjeb li niftakru li sa ftit tas-snin ilu, kont tara bil-wisq aktar tfal jitħalltu ma’ oħrajn fit-toroq tagħna, fi żmien fejn xi dawra bir-rota jew xi logħba bil-ballun kienu jkunu ferm aktar popolari minn dawk li jkunu mwaħħlin ma’ xi skrijn jew mezz tat-teknoloġija.
Niċċaraw li bl-ebda mod mhu qed ngħidu li aħna kontra l-avvanzi li saru fit-teknoloġija, anke minħabba l-faċilità li persuna tista’ tagħmel riċerka anke edukattiva filwaqt li tista’ wkoll tikkomunika b’mod aktar faċli anke b’tali mod li żżid l-għarfien personali b’kuntatt viżiv mal-istess edukaturi f’ċertu każi.

Nemmnu li ċertu kummenti fil-midja xejn ma jgħinu f’sitwazzjonijiet bħal dawn fejn filwaqt li kulħadd għandu dritt jesprimi l-ħsieb tiegħu, huwa wkoll dmir ta’ dak li jkun li jevita milli jikkummenta mingħajr ħsieb. Ma nemmnux li kummenti bħal Malta spiċċat jew ohh Malta fejn ħallejtna huma kummenti li jistgħu jaslu għal soluzzjoni u lanqas nistgħu naħsbu li l-poplu huwa ta’ subajh f’ħalqu u nippruvaw nixħtu l-piż kollu tal-ħtija fuq il-multikulturaliżmu.

Nistaqsu… Imma qabel ma kienx hawn argumenti? Ma kienx hawn logħob bl-idejn? Ma kienx hawn bullying fl-iskejjel? Ma kienx hawn tfal li jispiċċaw quddiem l-amministrazzjoni tal-iskola minħabba li jkunu qalgħu l-inkwiet? Jekk tibda biex twieġeb dawn il-mistoqsijiet u ħafna iktar b’kuxjenza tagħraf li jkun iktar għaqli li taħseb qabel tikkummenta u tkompli xxerred il-mibegħda.

Nemmnu li bħal ħafna sitwazzjonijiet oħra, l-edukazzjoni u sanzjonijiet xierqa huma l-għodod għat-triq ’il quddiem. Jeħtieġ li filwaqt li nkomplu noħolqu kuxjenza dwar il-kruha tal-bullying u l-konsegwenzi serji li dawk li jidħlu għalih ħafna drabi ma jkunux konxji tagħhom – fosthom li persuna involuta tieħu daqqa li tħalliha tal-post – u li dawk responsabbli jiġu mitkellma b’mod professjonali u fejn hemm bżonn jingħataw l-għajnuna jew saħansitra jiġu sanzjonati kif xieraq biex il-pożizzjoni tkun waħda ċara li m’hawnx lok għal din l-imġiba fis-soċjetà tagħna.

Għaldaqstant nibqgħu nsostnu li hemm ħtieġa ta’ aktar azzjoni fosthom b’kampanji edukattivi u ta’ għarfien sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ din ix-xorta fil-ġejieni.

Sport