Sunday, December 22, 2024

Ara: Idoqq il-pjanu qalb it-tifrik ta’ daru li ġiet kważi meqruda minn trombi devastanti

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ftit li xejn kien baqa’ minn daru wara li ġiet kważi meqruda minn trombi devastanti li ħakmu fl-aħħar jiem ġewwa Kentucky. Id-dar ta’ Jordan Baize, raġel ta’ 34 sena, saħansitra spiċċat bla saqaf u ma baqgħetx abitabbli. Iżda qalb it-tifrik baqa’ l-pjanu tant maħbub tiegħu li f’dak il-mument, xi ftit jew wisq ta’ qtigħ ta’ qalb, offrielu ftit wens.

Minkejja xi noti neqsin, Jordan ma ħasibix darbtejn biex, wara li ħareġ mill-kantina fejn kien jinsab jistkenn minħabba l-maltemp, poġġa bilqiegħda quddiem l-pjanu u beda jdoqq il-kanzunetta ta’ qima favorita tiegħu, “There’s something About That Name” ta’ Bill u Gloria Gaither. 

Meta rat dak li kien qed jiġri quddiem għajnejha, oħtu Whitney Brown, minnufih bdiet tieħu vidjow fejn aktar tard ippubblikatu fuq il-midja soċjali. Fi żmien qasir il-filmat sar popolari fejn bosta kienu dawk li ħallew xi kumment u saħansitra ġie xxerjat aktar minn 500,000 darba.

Tassew hija storja li tgħallimna li qalb it-tifrik, jaf xorta waħda insibu xi ħaġa li b’xi mod jew ieħor niksbu ftit wens.

Sfortunatament fl-isfond ta’ din l-istorja hemm l-istorja traġika hekk kif mill-inqas 88 persuna nqatlu kawża tat-trombi devastanti li laqtu lil għadd ta’ bliet ġewwa Kentucky.

Għadd ta’ nies fl-istat tilfu l-maħbubin, id-djar u l-affarijiet tagħhom. Xi ġenituri saħansitra tilfu lil uliedhom. Fost il-mejta hemm 12-il tifel, fosthom tifel ta’ xahrejn u ta’ ħames xhur.

Ekonomija

Sport