Friday, May 3, 2024

ARA: INĊENTIV AKBAR GĦAL DAWK LI JIBQGĦU JAĦDMU WARA L-ETÀ TAL-IRTIRAR

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minbarra li huwa impenjat li jindirizza serjament l-inġustizzji u anomaliji tal-passat fir-rigward tal-pensjonijiet, il-Gvern qed jinċentiva aktar persuni biex jibqgħu fid-dinja tax-xogħol anke wara li jilħqu l-età tal-irtirar. Dan billi se jżid sa 29% aktar il-pensjoni tagħhom.

F’intervista ma’ IT-TORĊA, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, irrimarka kif l-investiment li qed isir fil-qasam soċjali huwa ta’ benefiċċju mhux biss għall-anzjani li jagħżlu li jibqgħu jaħdmu imma wkoll għall-ekonomija tal-pajjiż.

Il-Ministru Falzon innota kif hawn persuni li għandhom ċertu esperjenza u li ta’ 61 sena pereżempju jkunu għadhom fl-aqwa tal-ħidma tagħhom. Min-naħa l-oħra, ikun hemm min jiġi inċentivat li jagħmel dan għaliex eventwalment il-pensjoni tiegħu tkun se tiżdied sostanzjalment. “Għalhekk hi xi ħaġa pożittiva għaż-żewġ naħat,” huwa żied jgħid.

Skont informazzjoni mogħtija fil-Parlament, in-numru ta’ persuni minn 60 sena ‘l fuq li kienu għadhom jaħdmu sal-aħħar ta’ Settembru li għadda fuq bażi full time jew part time bħala xogħol ewlieni kien ta’ 27,715. Dawk li għandhom 70 sena jew aktar u li kienu għadhom jaħdmu sal-aħħar ta’ Settembru 2023 fuq bażi full time jew part time bħala xogħol ewlieni kienu jgħoddu s-7,014.

Din l-informazzjoni kienet ingħatat mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari li saritlu mid-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia.

L-akbar żieda li qatt ingħatat fil-pensjonijiet

Sadanittant, staqsejna lill-Ministru Falzon kif jara illi t-tisħiħ li qed ikun hemm fil-pensjonijiet, sena wara l-oħra, qed ikompli jagħti stabbiltà finanzjarja lill-anzjani.

Huwa beda biex fakkar kif għal kważi kwart ta’ seklu, kemm damet amministrazzjoni nazzjonalista tiggverna, il-pensjoni ma żdiedet qatt u l-anzjani kienu jieħdu biss iż-żieda għall-għoli tal-ħajja. Qal ukoll li kien hemm żmien fejn dawn ma kinux saħansitra jieħdu ż-żieda kollha tal-għoli tal-ħajja.

B’differenza minn dan, sa mill-ewwel amministrazzjoni Laburista bdew jiżdiedu l-pensjonijiet, fejn fil-bidu l-ewwel żidiet kienu immirtat għal dawk iż-żewġ kategoriji li kienu fuq il-pensjoni minima nazzjonali. Sussegwentement ingħataw seba’ żidiet oħra lil kull pensjonant.

“Din is-sena hemm min qed jara d-disa’ żieda fil-pensjoni tiegħu. Għandek ukoll il-pensjonanti kollha li qed jaraw ukoll is-seba’ żieda konsekuttiva,” qal il-Ministru Falzon. “Iż-żieda ta’ dan il-budget kienet l-akbar waħda li qatt ingħatat f’darba. Qed nitkellmu fuq żieda ta’ 15-il ewro fil-ġimgħa għall-pensjonanti, li parti minnha hija l-COLA.”

Il-Ministru Falzon kompla jgħid li Gvern Laburista fl-2017 kien wiegħed li l-pensjonijiet se jiżdiedu b’minn tal-inqas €8 fil-ġimgħa. Qal li din il-wegħda mhux biss żammha imma f’dik il-leġiżlatura żied il-pensjonijiet b’aktar minn €14 fil-ġimgħa.

“Din is-sena qed nagħmlu l-istess. L-impenn tagħna huwa li sal-aħħar tal-leġiżlatura nkunu żidna l-pensjoni oltre miż-żidiet tal-għoli tal-ħajja bi 15-il ewro fil-ġimgħa,” qal il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal.

Minbarra ż-żidiet fil-pensjonijiet, il-Ministru Falzon tkellem dwar miżuri oħra li qed iservu ta’ appoġġ kbir għall-pensjonanti. Huwa qal li kien Gvern Laburista li raħħas il-prezzijiet tal-enerġija u llum qed iħallsu 25% inqas milli kienu jħallsu fl-2013. “Kienet miżura li bla dubju għenet lill-pensjonanti. Illum f’pajjiżna għandna 63,000 familja aktar li kapaċi jsaħħnu darhom fix-xitwa milli kellna fl-2013.”

Irrefera wkoll għall-inizjattiva Stabbiltà li permezz tagħha madwar 450 prodott fi 15-il kategorija ta’ ikel differenti raw tnaqqis ta’ mill-inqas 15% fil-prezz tagħhom fuq dak li kien f’Ottubru tal-2023. Ir-riżultati minn din l-inizjattiva jidhru li qed iħallu l-frott tant li l-istatistika qiegħda turi kif l-inflazzjoni fuq il-prodotti tal-ikel reġgħet naqset għat-tieni xahar konsekuttiv.

Din is-sena wkoll daħlet fis-seħħ miżura li laqtet mijiet ta’ pensjonanti li kellhom diskrepanza fil-pensjonijiet tagħhom. Qed nirreferu għal dawk il-persuni li twieldu qabel l-1962. Mhux kulħadd kien affettwat minn dawn id-differenzi u għalhekk tlabna lil Ministru jidħol aktar fid-dettall dwar din il-miżura.

Il-Ministru Falzon enfasizza li fl-2006, l-amministrazzjoni nazzjonalista ta’ dak iż-żmien iddeċiediet li tagħmel dik li sejħilha “r-riforma fil-pensjonijiet” u f’din l-istess riforma il-pensjonanti kienu ġew maqsuma f’żewġ kategoriji – dawk li twieldu sal-31 ta’ Diċembru 1961 u dawk li twieldu mill-1 ta’ Jannar 1962 ‘il quddiem. Iż-żewġ kategoriji kellhom massimu ta’ pensjoni differenti.

“Kien hemm dawk li twieldu sal-31 ta’ Diċembru 1961 illi riedu jħallsu 35 sena bolla, li kellhom il-pensjoni bis-sistema taż-żewġ terzi, kellhom massimu ta’ kemm iħallsu kontribuzzjonijiet ukoll bħala social security. Kellek massimu ieħor ta’ kemm inti tista’ tieħu fil-pensjoni tiegħek.

“Dawk ta’ wara l-1 ta’ Jannar 1962 riedu jħallsu 40 sena bolli, kellhom massimu tal-bolla li kien ogħla minn tal-1961 imma mbagħad il-massimu tal-pensjoni ta’ dawk li twieldu f’din il-kategoriji kienet ogħla minn dawk li twieldu qabel. Id-diskrepanza qiegħda fuq il-pensjoni massima. Kienet anomalija u sa ċertu punt inġustizzja.

“Din hi miżura li tolqot mijiet ta’ persuni. L-aġġustament li bdejna din is-sena huwa li qed ngħollu gradwalment il-massimu tal-pensjoni ta’ dawk ta’ qabel in-1961 sakemm dan jiġi daqs ta’ dawk li twieldu mill-1 ta’ Jannar tan-1962 ‘il quddiem. Il-piż huwa konsiderevoli u ma jistax isir f’darba waħda,” qal il-Ministru Falzon.

“Impenn li nibqgħu ninvestu”

Fl-aħħar nett, il-Ministru tkellem ukoll dwar in-nefqa fuq il-benefiċċji soċjali, bl-aħħar statistika turi li fl-2023 il-Gvern nefaq €100 miljun aktar f’dan il-qasam minn kemm nefaq fl-2022. Waqt li rrikonoxxa li r-realtajiet soċjali kontinwament qegħdin jinbidlu, huwa saħaq li l-impenn tal-Gvern jibqa’ wieħed ċar – dak li se jibqa’ jinvesti.

“Se nibqgħu mhux biss ninvestu fil-pensjonijiet imma nżiduhom. Għamilna wkoll titjib sostanzjali fosthom fil-qasam tad-diżabilità, f’dak li jirrigwardja l-in work benefit u l-benefiċċju mogħti lill-carers. Dawn huma kollha parti minn viżjoni politika ta’ amministrazzjonijiet lanburisti fejn il-qasam soċjali kien dejjem fuq quddiem,” temm jgħid il-Ministru Falzon.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport