Sunday, December 22, 2024

ARA: “Inħass in-nuqqas ta’ din il-wirja u l-attendenza tan-nies tikkonferma dan”

Tittella' l-40 wirja annwali ta' mudelli fl-iskala tas-Society For Scale Modellers

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-membri tal-IPMS Malta – Society for Scale Modellers – tellgħu l-40 wirja tagħhom ta’ mudelli fi skala ġewwa l-Mużew Marittimu fil-Birgu. Fost il-mudelli eżebiti wieħed seta’ jsib ajruplani u vapuri militari, vetturi militari u ċivili kif ukoll figuri storiċi u oħrajn ta’ fantaxxjenza.

Dan is-sit żar din il-wirja fejn tkellimna mal-President tal-IPMS Malta Ivan Cocker li qalilna li din is-sena hija waħda speċjali għalihom billi hija l-40 edizzjoni u qed issir wara li s-sena l-oħra ma saritx minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Huwa qal li x-xogħol kollu eżebit sar minn madwar 50 membru tal-Għaqda.

Cocker qalilna li l-konkorrenza tan-nies kienet waħda tajba ħafna u waħda mill-mistoqsijiet li jkollhom tkun fuq x’jinvolvi l-proċess meta jiġu biex jinbnew dawn il-mudelli. Għaldaqstant, inħolqot sezzjoni apposta fejn il-membri tal-Għaqda juru lin-nies kif jinbnew dawn il-mudelli, speċjalment dawk li ssib tixtrihom mill-ħwienet lokali.

“In-nies jieħdu pjaċir b’din l-attività u bil-mudelli tagħna. L-unika darba li ma saritx din l-edizzjoni kienet fi żmien il-pandemija u ħassejnieha. Però xorta konna niltaqgħu virtwalment u dik ta’ din is-sena hija frott tal-ħidma tagħna li baqgħet għaddejja anke f’dan iż-żmien,” qal Cocker. 

Huwa kompla jgħid li l-Għaqda qiegħda taħdem fuq proġett ieħor ambizzjuż tal-operation pedestal billi din is-sena jimmarka t-80 sena mill-wasla tal-Konvoj ta’ Santa Marija. 

Spjega wkoll li: “bħalissa qed nippreparaw għall-World Expo, li ssir darba kull tliet snin. Din id-darba se ssir fix-xhur li ġejjin fl-Olanda. Tim minn tagħna sejjer jikkompeti biex inżommu isem Malta fuq il-kamp internazzjonali.”

Ekonomija

Sport