Sunday, November 24, 2024

ARA: “Irridu noħolqu Malta aktar ġusta”

- Il-Prim Ministru waqt li kien qed jindirizza attività f'Ħal Qormi

Aqra wkoll

“Irridu l-kuraġġ li nwettqu aktar bidliet… Irridu noħolqu Malta aktar ġusta li timbotta aktar ‘il quddiem il-prinċipji soċjali,” hekk sostna l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt li kien qed jindirizza lil persuni li marru jagħtu merħba f’Ħal Qormi.

YouTube video

F’messaġġ qasir iżda f’saħħtu l-Prim Ministru qal li rridu nkomplu naħdmu biex noħolqu politika umana u tkun imexxija minn persuni li għandhom kuxjenza soċjali.

Tenna li kull individwu fil-pajjiż għandu jħossu importanti u valutat fis-soċjetà Maltija. Dr Abela sostna li kull individwu u kull ċittadin f’Malta għandu valur.

Fakkar fil-messaġġ li wassal fl-1 ta’ Mejju fil-Belt Valletta fejn qal li dakinhar qal x’inhuma l-prijoritajiet tal-moviment Laburista li se jmexxuh f’dawn l-4 snin li baqa’ sal-elezzjoni ġenerali.

Il-Prim MInistru qal li biex Malta jkollha soċjetà aktar ġusta għandu jkollha l-ambjent bħala prijorità. Sostna li dan kollu jfisser li jkollna aktar spazji miftuħa għal kulħadd.

Irrefera wkoll għal-liġi tal-ippjanar fejn qal li l-għan wara din hija li kull ċittadin iħoss li hemm sistemi ġusti u kull regola li hemm tgħod għal kulħadd.

Dr Abela sostna li ssir ġustizzja soċjali billi wkoll se jkun hemm għal darb’oħra r-rifużjoni tat-taxxa li minn għada t-Tnejn se jibdew jaslu fid-djar tal-Maltin u Għawdxin. Tenna li meta kien waqt il-mass meeting tal-1 ta’ Mejju kien qal li l-Partit Nazzjonalista sal-għada kien se jikkritika din il-miżura… “iżda kont żbaljat għax dakinhar stess ħareġ jikkritika li l-poplu jingħata r-rifużjoni tat-taxxa”.

Kien hawn li l-Prim Ministru nsista li din ir-rifużjoni hija biss waħda minn ħolqa ta’ miżuri soċjali li Gvern Laburista daħħal fl-aħħar snin. Semma kif taħt Gvern Laburista kien hemm żidiet kull sena fil-pensjonijiet u anke fiċ-Children Allounce fost miżuri oħrajn.

Il-Mexxej Laburista qal li minħabba l-inflazzjoni, il-Gvern kien investa 16-il miljun ewro biex tingħata għajnuna lil 48,000 familja li huma l-aktar vunerabbli f’pajjiżna. “Ma nistgħux inkunu l-moviment li hu mmexxi mill-ġustizzja soċjali jekk dawk l-aktar fil-bżonn ma ngħinhomx,” sostna l-Prim Ministru.

Fid-diskors tiegħu fakkar kif bħalissa madwar id-dinja hawn diversi sfidi, iżda Gvern Laburista baqa’ jgħin lill-familji Maltin u Għawdxin minkejja kollox. “B’differenza għal dak li wettaq Gvern Nazzjonalista, meta kien hemm maltemp ferm iżgħar kien qalilna li ma jistax iżomm mal-wegħdi elettorali tiegħu għax iċ-ċirkostanzi kienu nbidlu,” tenna l-Prim Ministru filwaqt li reġa’ semma kif anke ċ-ċirkostanzi għal Gvern Laburista nbidlu, iżda dak li wiegħed qiegħed iwettqu xorta waħda.

Dr Abela qal li fl-ewwel 3 xhur ta’ din is-sena biss Gvern Laburista nvesta aktar minn 360 miljun ewro f’benefiċċji soċjali.

Fi tmiem tal-messaġġ tiegħu, il-Prim Ministru ħeġġeġ lil Maltin u lil Għawdxin biex jibqgħu magħqudin għax fejn hemm l-għaqda biss jista’ jkun hemm soċjetà ġusta.

Sport