Tuesday, May 14, 2024

“Irridu ngħidu li għajnuna dejjem hija għajnuna”

Bernard Grech jammetti li l-iskema tal-Gvern għax-xiri tal-ewwel proprjetà lill-koppji qiegħda tgħin

Aqra wkoll

F’attività politika mtella’ lbieraħ il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, tkellem b’mod kontradittorju għall-aħħar fejn min-naħa ammetta li l-Gvern ta’ Robert Abela qiegħed jgħin lill-koppji żgħażagħ biex jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom u lill-poplu biċ-ċekkijiet, imma fl-istess ħin allega li l-isfidi tal-għoli tal-ħajja u tal-prezzijiet tal-proprjetà mhumiex jiġu indirizzati.

Filwaqt li wiegħed li l-PN fit-tmexxija l-poplu Malti u Għawdxi se jkollu paga li tixraqlu u li biha se jgħix komdu, Grech tefa’ t-tort tal-prezzijiet tal-proprjetà fuq iż-żieda tal-popolazzjoni u dik tal-għoli tal-prezzijiet fuq il-Gvern meta dawn, fil-verità, huma effetti li ġejjin minn barra. Dan b’mod speċjali l-inflazzjoni li, kif kulħadd jaf, bdiet minn instabbiltà globali li ġabet il-pandemija tal-Covid-19 u issa għandna l-gwerra rikorrenti fl-Ukrajna.

Il-Kap tal-PN f’sensiela ta’ attakki kontinwi li issa drajnihom, lejn il-Gvern u anke b’mod personali fil-konfront tal-Prim Ministru Robert Abela, saħaq li l-koppji u ż-żgħażagħ tagħna ma jistgħux jixtru l-ewwel proprjetà li tkun tiswa aktar minn €150,000 għax m’hawnx fis-suq b’dak il-prezz.

Fir-rigward huwa insista li pajjiżna qiegħed jitlef liż-żgħażagħ għax “mhumiex jaraw futur” u fl-istess nifs semma’ l-iskema tal-€10,000 li beda u kompla l-Gvern Laburista. Hawn Grech qal li, “l-għajnuna hija xi ħaġa tajba imma xi ħadd li tagħtih elf ewro fis-sena, qiegħed tgħinu biex jixtri l-ewwel proprjetà tiegħu? Imma, irridu ngħidu li għajnuna, dejjem hija għajnuna”.

Hawn Grech ħa l-opportunità biex jimbotta l-viżjoni tal-politika Nazzjonalista fejn sostna li se jibnu ekonomija għan-nies li biha se jsibu xogħol b’paga tajba tant li se jgħixu komdi. Saħaq li, “ma’ kull żgħażugħ li jitlaq, jitlaq it-talent, il-kreattività u s-sens tal-iżvilupp. Ma nistgħux nibqgħu nitilfu aktar żgħażagħ. Irridu nagħmlu minn kollox biex nagħtuhom futur”.

Il-Kap tal-PN b’vuċi dejjem aktar persistenti u mimlija emozzjonijiet temm id-diskors tiegħu billi stieden biex ilkoll nibqgħu naħdmu flimkien għax skont huwa, “issa huwa evidenti li hemm biss partit wieħed li għandu l-poplu għal qalbu. Il-PN huwa rebbieħ għax qiegħed jitkellem għall-poplu u qiegħed jagħti s-soluzzjonijiet. Mal-PN ma jkunx rebbieħ huwa imma, il-poplu kollu”.

1 kumment

  1. Dan nardu l grieg fejn kien jghix?miskin nesa li l pn biegh id dockyard.nesa li fis sittinijiet laqwa nies tas sengha f’Malta gew esportati lejn l Awstralja u jmorru l ministri il port bil banda jaraw sejrin ittirufnati minn pajjizhom ghax il pn ma holoqx xoghol ghalihom F”Malta.

Comments are closed.

Sport