Tuesday, May 14, 2024

ARA: Isellmu lil Joseph Ellul b’ċapċipa kbira fi tmiem il-Korteo Funebri f’Marsaxlokk

Joseph Ellul jingħata l-aħħar tislima fis-Santwarju tal-Madonna ta' Pompei

Aqra wkoll

Folla kbira ta’ nies inġabret fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pompei f’Marsaxlokk biex tagħti l-aħħar tislima lil Joseph Ellul, magħruf bħala x-Xlukkajr.

Il-Kappillan Luke Seguna li mexxa l-quddiesa fakkar lil Joseph bħala bniedem umli, b’qalb tajba u li fl-istess waqt ma kienx iħobb it-tifħir. Filwaqt li nnota s-sens ta’ luttu li bħal waqqa’ sħaba griża max-xatt kollu ta’ Marsaxlokk, fakkar xi esperjenzi sbieħ li kellu fl-istess lokalità li tibqa’ tqisu bħala raġel ċajtier u ferrieħi li kien konvint li fis-soċjetà kulħadd għandu jġarrab sens ta’ mħabba. Kif indikat aktar qabel mill-maħbuba ta’ Ellul, huwa kellu wkoll imħabba ġenwina lejn il-Madonna ta’ Pompei.

“Li ngħidu li Joseph kellu qalbu tajba, lanqas nibda biex niddeskrivih”

Il-Kappillan Luke Seguna waqt l-Omelija

Ellul huwa r-raġel li t-Tlieta li għadda miet f’inċident li seħħ fl-inċineratur tal-WasteServ, fil-Marsa.

Bandiera mezzasta b’turija ta’ rispett lejn Ellul

Bosta qraba u ħbieb ta’ Ellul sellmulu b’esperjenzi li qasmu fuq il-profili tagħhom fuq il-midja soċjali. Sal-bieraħ stess, max-Xatt ta’ Marsaxlokk spikka ritratt ta’ Ellul fuq siġġu mdawwar bix-xemgħat u l-fjuri bil-bejjiegħa jgħidu li hu se jżomm post speċjali f’qalbhom.

Nies jinġabru barra minħabba l-folla li nġabret għall-aħħar tislima

Wara l-quddiesa tal-funeral tpoġġew fjuri u anke bandiera fuq it-tebut li nġarr akkumpanjat mill-banda li kkontribwixxiet f’Korteo Funebri.

L-aħħar tislima ntemmet b’ċapċipa li dwiet il-post hekk kif il-vettura li fiha kien hemm it-tebut qabdet it-triq lejn il-post tad-dfin.

Sport