Saturday, December 28, 2024

ARA: L-akbar sodisfazzjon meta tfal bl-Awtiżmu jegħlbu l-biża’ tagħhom mill-klieb

Stephanie Theuma, persuna li tipprovdi servizz ta' terapija bil-klieb lit-tfal

Aqra wkoll

Il-klieb huma annimali magħrufin kemm għall-għerf kif ukoll għas-sensittività tal-bnedmin. Mhux l-ewwel darba li dawn l-annimali domestiċi jifhmu l-burdati tagħna tant li meta nħossuna daqsxejn imdejqin jew ma nkunux f’saħħitna, narawhom ġejjin ħdejna u ma jiċċaqalqux minn maġenbna.

YouTube video

Talk.mt iltaqa’ ma’ Stephanie Theuma, impjegata fl-iskola San Andrea fejn l-irwol tagħha primarjament huwa li tassisti tfal b’abbiltajiet differenti bl-għajnuna ta’ Bear — kelb ta’ sena u nofs li huwa ta’ sostenn kbir għal dawn it-tfal li jkunu għaddejjin minn xi sfidi matul is-sena skolastika.

Stephanie u Bear

Hija spjegat magħna li l-bidu tal-karriera tagħha kien il-volontarjat. Stephanie bdiet taħdem bħala voluntiera f’postijiet differenti, fosthom fi djar tal-anzjani u fl-iskejjel. Però, it-tfal u l-annimali minn dejjem kellhom post speċjali f’qalbha, allura eventwalment “Ikkombinajt iż-żewġ setturi flimkien,” qalet ma’ dan is-sit.

Għall-bidu hija kienet tmur tagħmel xi taħditiet u qari lit-tfal tal-iskola San Andrea fejn kienet tkun akkumpanjata minn kelb, sakemm jum minnhom offrewlha impjieg li ilha fih ħames snin.

L-importanza tal-flessibiltà fid-diversità

Stephanie ta’ kuljum tiltaqa’ m’għadd ta’ tfal li jvarjaw fl-etajiet, l-iżgħar fosthom huma dawk tan-Nursery u jibqgħu telgħin sas-sekondarja, fejn toffri servizz lil tfal bi bżonnijiet differenti. Hija tenfasizza ħafna l-fatt li ma tħejjix programm wieħed u timxi miegħu irrispettivament miċ-ċirkostanzi; għall-kuntrarju, tfal b’abbiltajiet differenti jkollhom programm adattat skont il-bżonnijiet ta’ kull wieħed u waħda minnhom, fosthom: ikun hemm okkażjonijiet fejn uħud mit-tfal ikunu jirrikjedu l-pressure therapy, drabi oħra sempliċiment mixja biex jikkalmaw, filwaqt li f’sitwazzjonijiet minnhom ikollhom bżonn daqsxejn għajnuna biex jagħmlu x-xogħol tal-iskola.

Matul l-intervista saħqet ħafna dwar l-importanza li jittieħdu inkonsiderazzjoni żewġ aspetti: id-diversità u l-importanza tal-flessibbiltà; flessibbiltà mhux biss minn każ għall-ieħor, iżda wkoll skont il-ġurnata partikolari għaliex ikun hemm każi fejn it-tfal jibdew il-ġurnata kalmi iżda għal xi raġuni mal-ħin tal-ġurnata tinbidlilhom il-burdata.

Ir-rekwiżiti sabiex kelb ikun jista’ jagħti servizz, kemm qed ikunu ta’ inkonvenjent?

Meta mistoqsija dwar jekk is-servizzi offruti lit-tfal b’kundizzjoniiet diversi humiex ilaħħqu mad-domanda, ir-risposta tagħha kienet fin-negattiv, għal żewġ raġunijiet prinċipali. Waħda minnhom hija attribwita għad-domanda kbira minħabba l-ammont ta’ kundizzjonijiet li kulma jmur qiegħed jiżdied. Raġuni oħra hija li rrimarkat illi parti mir-raġuni tista’ tkun ġejja wkoll mill-fatt li mhux kull kelb jirnexxilu jgħaddi mit-testijiet kollha.

Stephanie fissret li qabel ma kelb ikun tajjeb biex jagħti s-servizz tiegħu lil dawn it-tfal, l-ewwel jeħtieġlu jgħaddi minn sensiela ta’ testijiet, testijiet li jibdew mill-bażiku — bħal sit, stay, down — u jibqgħu jintensifikaw maż-żmien, l-istess bħalma jseħħ fil-ħajja tal-istudenti li iktar ma jikbru fl-età iżjed iktar ikollhom jgħaddu minn eżamijiet diffiċli. Dan minnu nnifsu joħloq ċertu piż u saħansitra inkonvenjent minħabba li jista’ jiġri illi wara li tagħtihom it-taħriġ meħtieġ u tagħmlilhom test wara l-ieħor, kif jaslu sa ċertu livell il-kelb ma jgħaddix għal numru ta’ raġunijiet sal-punt li minn “għaxart iklieb jgħaddilek wieħed”.

Stephanie enfasizzat il-punt li l-klieb huma bħan-nies, fis-sens li “Mhux kollha huma adattati għal dak it-tip ta’ xogħol … kull kelb għandu l-karattru tiegħu”. Saħansitra ġabet eżempju fejn qabblet kelb preċedenti bl-isem ‘Ilio’ — li għamel ħames snin ta’ servizz fl-iskola San Andrea u li llum il-ġurnata huwa rtirat — ma’ Bear (il-kelb attwali fl-istess skola). Hija ddeskriviet lil Ilio bħala iktar dixxiplinat minn Bear għaliex lil Bear jekk sempliċiment xi ħadd jieqaf ikellmu, f’ħakka t’għajn jitlef il-konċentrazzjoni.

Bħalissa Stephanie qiegħda msieħba mal-Working Dogs Academy, fejn lil Bear qed isirlu ammont ta’ taħriġ. Fl-istess waqt enfasizzat il-pressjoni li jgħaddu minnha l-klieb hekk kif kull kelb irid jgħaddi minn kull test; jekk jeħel minn xi test ma jkunx jista’ jmur għal ta’ warajh qabel ma jgħaddi minnu. Hija żvelat magħna li s’issa Bear irnexxielu jgħaddi minn kull test li għamel.

Meta taraw klieb qegħdin jaħdmu, issejħulhomx

F’intervent minnhom matul l-intervista, Stephanie aċċennat dwar il-fatt li tittrenja kemm tittrenja l-kelb, fl-aħħar mill-aħħar kelb ħa jibqa’; “Meta għandek tifel u kelb, moħħok irid ikun mija fil-mija fuq it-tnejn li huma” għax jekk ma jsirx dan xi ħadd minnhom jista’ jweġġa’. Hawnhekk tajjeb li ngħidu li fil-każ ta’ Bear, dan għandu vest bil-loops biex jintrabtu t-tfal miegħu, fejn saħansitra drabi minnhom anki jkun hemm tlett itfal f’daqqa miegħu.

Intant, f’punt li jorbot ma’ dan, hija saħqet ħafna dwar l-importanza biex meta individwi jaraw klieb li qegħdin jaħdmu, ma jgħajtulhomx: il-mument li jgħajtulhom, “Dik hija ħaġa perikoluża ħafna”. Dan għaliex il-kelb bla ma jrid se jitlef l-attenzjoni u jmur fid-direzzjoni tal-persuna li qed tkellmu.

L-isfidi u s-sodisfazzjon magħġunin flimkien

L-ikbar sodisfazzjon ċertament li jkun imnissel minn sfidi li minkejja illi xi drabi jkunu jidhru impossibbli biex negħlbuhom, b’persistenza liema bħalha jirnexxilna nirbħu kull ostaklu. Id-definizzjoni li tatna Stephanie ta’ ‘sfida’ fis-settur tagħha hija “Meta jkollok tifel li kif jara l-kelb jibża’ minnu, speċjalment meta jkun xi ħadd bl-Awtiżmu għax ma tistax tfiehmu u ma tistax titkellem miegħu … dik hija sfida kbira; trid timxi bil-mod il-mod, pass pass”.

F’episodju li rrakkuntat ma’ dan is-sit hija tkellmet dwar tifel ta’ età tenera li appena jilmaħha bil-kelb kien “Jgħatti wiċċu u jitlaq jiġri … meta kien ikun għaddej hu, jiena nirtira lura bil-kelb għax kien jitwerwer. Illum jiġi hawnhekk, jaqbad iċ-ċinga u nitilqu passiġġata. Lill-kelb lanqas biss inżommlu ċ-ċinga, jiġifieri dan jagħmel kollox waħdu. Dik hija sodisfazzjon fl-istess ħin,” esprimiet emozzjonata Stephanie.

Ekonomija

Sport