Iż-żmien tal-Olokawst ċertament li se jibqa’ mfakkar minn bosta bħala wieħed mill-iktar mumenti koroh li għaddiet minnu r-razza umana; episodju li mmarka wieħed mill-akbar ġenoċidji li qatt rat id-dinja u li ħasad il-ħajja ta’ miljuni ta’ nies innoċenti minħabba kwistjoni ta’ twemmin reliġjuż.
Ilbieraħ, fil-Palazz ta’ Sant’Anton f’Ħ’Attard, saret ċerimonja li fakkret it-78 anniversarju tal-Olokawst, fejn il-President ta’ Malta George Vella saħaq dwar l-importanza li dan il-mument “iswed” fl-istorja umana jservina ta’ okkażjoni biex inkunu iżjed viġilanti u nindirizzaw l-inġustizzji, irrispettivament mill-kulur tal-ġilda, is-sess u t-twemmin tal-persuni. Huwa sostna li għalkemm huwa tajjeb li nfakkru l-ġrajja tal-Olokawst, m’għandniex nieqfu billi nirrakkuntaw biss dak li ġara. Dan filwaqt li enfasizza fuq l-importanza li nipproteġu l-ħajja ta’ kull individwu, li niċħdu l-politika tal-firda u minflok nippromwovu l-politika tal-paċi, id-djalogu u l-inklużjoni.
Preżenti kien hemm ukoll persuni distinti li ddiskutew is-suġġett tal-Olokawst fejn kollha kemm huma qasmu fehma waħda: dik li m’għandniex inħallu storja bħal din terġa’ tirrepeti ruħha u li għandna nibqgħu nfakkru dan l-avveniment ta’ kull sena sabiex inkomplu nedukaw lill-ġenerazzjonijiet futuri dwar x’jista’ jiġri meta ssaltan il-mibegħda. Kumment partikolari li ġibed l-għajn ta’ dan is-sit kien dak ta’ rappreżentant tal-komunità Lhudija, fejn waqt id-diskors tiegħu semma każ fejn żewġt aħwa bniet ta’ reliġjon Lhudija li twieldu fi żmien l-Olokawst ingħataw għall-addozzjoni u wara snin twal jgħixu madwar 200 mil ‘il bogħod minn xulxin irnexxielhom jiltaqgħu fl-età ta’ 80 sena. Preżenti waqt l-istess ċerimonja kien hemm in-neputija ta’ waħda minn dawn iż-żewġt aħwa — Sandra Saliba.
Sandra ilha tgħix Malta b’mod permanenti għal dawn l-aħħar għaxar snin u saħansitra bniet familja hawn Malta, tant li tikkunsidra lil pajjiżna bħala “d-dar tagħha”. F’intervista li saritilha minn Talk.mt, hija sostniet li “L-Olokawst ma ħalliex biss marki fuq il-vittmi, iżda anki fuq dawk li għadhom ħajjin”. Fil-fatt, hija qasmet esperjenza familjari dwar żewġt aħwa li fi żmien l-Olokawst sfaw mifrudin ftit ġimgħat wara t-twelid. Però, minkejja illi l-esperjenza tal-familja tagħha relatata mal-Olokawst kienet waħda pjuttost diffiċli u ta’ qsim il-qalb, illum il-ġurnata tqis din l-esperjenza bħala “Sinjal li fil-ħajja qatt m’għandek taqta’ qalbek għax xi darba se jasal perjodu li fih tkun kuntent”.
In-nanna ta’ Sandra kienet ilha 80 sena sħaħ taħseb li kienet abbandunata minn ommha u missierha għax forsi ma riduhiex, però, riċentament nannitha setgħet tikkonferma kemm il-ġenituri tagħha kienu “Eroj u persuni b’qalb tant kbira li kienu lesti jissagrifikaw ruħhom u jiċċaħħdu minn uliedhom, basta ż-żewġt ibniet isalvaw”. Dan hekk kif madwar sena ilu, in-nanna u z-zija ta’ Sandra — żewġt aħwa b’għeruq Lhudija — skoprew li huma kienu ngħataw għall-addozzjoni minħabba li kienu twieldu fi żmien l-Olokawst, iż-żmien li fih il-Lhud għaddew minn persekuzzjoni u tbatija kbira. “Hija diffiċli immens li tħalli lit-tfal warajk u titlob li jkollhom futur aħjar filwaqt li inti tkun sejjer għall-qatla,” tistqarr Sandra emozzjonata.
“Huwa tassew mument emozzjonanti meta nanntek tgħidlek li kibret mingħajr familja”. Sandra tistqarr li hi kienet waħda mill-protagonisti li ħajret lil nannitha fl-età ta’ 80 sena sabiex tagħmel test tad-DNA bil-għan li tiskopri min huma l-ġenituri tagħha għaliex ta’ kuljum kienet tgħidilha li tixtieq illi “Jasal dak il-lejl meta mmur norqod u noħlom li qed nara lil ommi quddiemi sabiex almenu jkolli ċ-ċans li nkun rajtha darba f’ħajti, anki jekk il-laqgħa tagħna tkun waqt ħolma”. Ir-riżultat irċivewh fl-1 ta’ Jannar tal-2022, ġurnata li n-nanna ta’ Sandra u l-familjari tagħha jirreferu għaliha bħala “miraklu”. Kien f’dak il-mument li skoprew illi n-nanna ta’ Sandra hija Lhudija pura mill-Polonja ta’ żmien l-Olokawst. Hija spjegat li dak iż-żmien ma tantx kien ikun hemm taħlit fiż-żwieġ; iċ-ċittadini kienu jiżżewġu persuni tal-istess reliġjon.
Mir-riċerka li saret irriżulta li n-nanna ta’ Sandra ma kinitx l-unika wild li sfat abbandunata f’dak iż-żmien; apparti n-nanna ta’ Sandra li kienet spiċċat fi stitut tat-tfal fil-Polonja meta kienet għadha tarbija ta’ ftit xhur, instab ukoll li kellha oħtha li kienu telquha quddiem bieb f’nofs ta’ lejl. Apparentament, iż-żewġt aħwa nstabu 25km ’il bogħod minn xulxin, filwaqt li llum qed jgħixu madwar 300km ’il bogħod: “Għamlu 80 sena jgħixu ftit iktar minn 300km ’l bogħod minn xulxin mingħajr ma jafu bl-eżistenza ta’ xulxin … illum iċemplu lil xulxin kuljum”. Meta Sandra u oħtha skoprew li n-nanna tagħhom għandha oħtha, għamlu l-arranġamenti meħtieġa biex jivvjaġġaw fejn kienet tgħix zijithom sabiex in-nanna tagħhom tkun tista’ tiltaqa’ m’oħtha għall-ewwel darba. Meta taw l-aħbar lin-nanna tagħha, Sandra tistqarr li n-nanna kienet għatxana biex tikseb xi tip ta’ informazzjoni dwar oħtha, fosthom x’jisimha, għaliex sa ftit mumenti qabel lanqas kellha l-iċken ħjiel li għandha oħtha!
L-ewwel laqgħa bejn iż-żewġt aħwa saret fis-6 ta’ Jannar 2022: “Waħda mill-isbaħ esperjenzi li persuna tista’ qatt tgħaddi minnha f’ħajjitha … persuna li tkun għexet ħajjitha kollha taħseb li tinsab waħidha f’din id-dinja, abbandunata, minsija minn familtha, imma mbagħad tiskopri li hemm persuna li lesta tilqagħha fi ħdanha … biċċa minnek, għaliex probabbilment in-nanna u oħtha huma tewmin,” tgħid Sandra. L-aħwa jinxtiebhu ħafna, speċjalment fil-movimenti u fl-imġiba tagħhom.
Il-proċess tar-riċerka kien wieħed intensiv u twettaq b’serjetà kbira minn nies esperti fl-Istorja Lhudija u fl-Olokawst, tant li llum il-ġurnata jinsabu kważi ċerti min huma l-ġenituri taż-żewġt aħwa.