Thursday, December 19, 2024

ARA: Li tkun artist tal-kejkijiet jiżra’ fik element ta’ sfida biex toħloq oġġett kważi ħaj

Jitkellem Alfred Chircop, artist tal-kejkijiet

Aqra wkoll

Persuna li bħalissa qed tisraq l-attenzjoni ta’ diversi Maltin għall-mod kif jirnexxilha żżewwaq it-teknika tal-arti u dik tal-ħelu hija Alfred Chircop — raġel ta’ 40 sena residenti ż-Żurrieq li huwa artist tal-kejkijiet.

Huwa spjega ma’ Talk.mt li kemm l-arti kif ukoll s-is-sengħa tal-ħelu minn dejjem kienu fih. Meta kien għadu student tas-sekondarja kien jitgħallem il-Home Economics u kien imħajjar li jkompli fuq din il-linja l-ITS. Però, għal xi raġuni warrab daqsxejn dawn iż-żewġ talenti sakemm snin wara meta ħass li wasal iż-żmien opportun iddeċieda li jżewwiġhom flimkien.

Alfred jemmen li sengħa bħalma hi l-arti, tkun twelidt biha fik; maż-żmien dejjem tipperfezzjona, però l-bażi tkun qiegħda hemm: “Inti turi li jdejk joqogħdu mill-ewwel … żbalji tagħmel, imma turi li l-affarijiet qegħdin fik”.

L-arti u r-realtà mwaħħdin flimkien fil-kejkijiet

Alfred qalilna li ladarba taqbad din il-linja ta’ artist tal-kejkijiet, eventwalment dejjem tisfida lilek innifsek u l-kapaċitajiet tiegħek sabiex kemm jista’ jkun dejjem tagħmel xogħol li jqarreb lejn ir-realtà. Infatti Alfred huwa xempju ta’ dan, kif fil-fatt jixhdu x-xogħlijiet tiegħu stess, għaliex il-kejkijiet tant jaħdimhom elaborati li xi drabi tiġi f’dubju jekk kejk li joħroġ minn taħt idu huwiex tal-ħelu, tal-ikel, jew jekk huwiex xi karattru ħaj jew oġġett li nużaw f’ħajjitna.

Intom il-qarrejja tistgħu tikkonfermaw dan jekk iżżuru l-paġna ta’ Facebook “Alfred’s Sugar Creations”, fejn fost ir-ritratti ta’ kejkijiet li jisirqu l-għajn issibu burger, bust ta’ mara, lil Sponge Bob u lil Patrick, kif ukoll kejkijiet b’tema tal-pirati, poker, tal-make-up u kejkijiet tal-komiks.

Meta staqsejnieh biex jidħol daqsxejn fid-dettall dwar il-kejk li għamel f’format ta’ burger, huwa qalilna li kollox kien maħdum mill-ħelu. Kompla jispjegalna li jekk pereżempju kellu bżonn ħassa għal dak il-kejk, ħass il-bżonn li jkollu ħassa friska tal-ikel quddiemu biex b’hekk ikollu “oġġett reali” u jipprova jqarreb għar-reali bl-aħjar mod possibbli. L-istess meta ġie għall-panina tal-burger: mar jixtri waħda friska sabiex tgħinu fl-għażla tal-kuluri. Hawnhekk fisser ukoll li ovvjament meta taħmi oġġett, dan imbagħad ħa jħalli effett fuq il-kulur, fis-sens li għalkemm forsi tkun użajt kulur pariġġ għal dak li hemm fir-real, eventwalment xorta ħa jkun hemm daqsxejn differenza meta tqabbel il-panina tal-burger tal-ħelu ma’ dik tal-ikel f’fini ta’ kulur.

Rigward il-bust ta’ mara, Alfred ma naqasx milli jelenka illi sabiex irnexxielu joħroġ ir-riżultat mixtieq, attenda għal xi lezzjonijiet tax-xogħol tat-tafal biex jassigura ruħu li l-bust ikun maħdum b’mod professjonali.

L-ikbar proġett ħadlu madwar 45 siegħa

Il-bidu tiegħu bħala artist tal-kejkijiet kien madwar sentejn ilu, meta għamel kejk li jibda minn ġo kaxxa: “Ġiraffa ħierġa minn ġo kaxxa, fuqha kien hemm żewġ kejkijiet bħal pappagall u xadina … kien twil madwar 1m u 45cm”, qal ma’ dan is-sit.

Huwa kkalkula li b’kollox ħadlu xi 45 siegħa — ftit inqas minn jumejn. Dan minħabba l-ammont ta’ dettall u ħsieb li kien jirrikjedi; xogħol li jrid isir qabel ma taqbad taħdem fuq il-kejk per se — sketches, proporzjonijiet tal-oġġetti li se jkollok fuq il-kejk (f’dan il-każ partikolari, l-annimali), u sketch biex ħadmulu l-ħadid għall-kaxxa tal-kejk. Sfortunatament dan huwa xogħol li xi drabi ninsew kemm jirrikjedi ħsieb u eventwalment ħin minħabba li huwa xogħol ta’ wara l-kwinti.

Minn negozju f’daru għal pjanijiet ta’ workshop…

Alfred qalilna li wieħed mill-pjanijiet tiegħu għall-futur huwa li jkollu workshop għalih, għax bħalissa qed jaħdem mid-dar tiegħu stess: “Ovvjament insajjar kollox jien u nagħmel kollox jien … ikolli kollox artiġġjanat,” fisser Alfred ma’ Talk.mt.

Huwa m’eskludiex il-possibbiltà li ‘l quddiem jieħu sehem f’xi kompetizzjonijiet lokali u/jew saħansitra ‘l barra minn xtutna.

F’dan ir-rigward ma naqasx milli jindirizza waħda mil-limitazzjonijiet jew aħjar sfidi li jaffaċċjaw l-artisti Maltin. Dan għaliex Alfred fisser li l-kompetizzjonijiet internazzjonali f’dan is-settur normalment isiru l-Ingilterra u għalhekk mhix daqstant faċli biex artist Malti jesponi xogħlu minħabba li x-xogħol irid jinħadem hawn Malta u jiġi esportat.

Ekonomija

Sport