Tuesday, March 26, 2024

“Perikoluż li xi pajjiż jiddomina d-dinja”

Aqra wkoll

“Aktar ma jgħaddi żmien aktar qed jidher ċar li ħafna minn dak li qed jiġri u se jiġri madwar id-dinja qed ikun influwenzat mir-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina. Jekk ir-rivalità kummerċjali u teknoloġika li hemm bħalissa bejniethom twassal għall-gwerra, se niffaċċjaw żminijiet tassew koroh. L-akbar biċċa xogħol fil-ħidma diplomatika fiż-żmien li ġej se jkun kif ir-rivalità bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina titrażżan u tiġi evitata gwerra bejniethom. L-Unjoni Ewropea tista’ tagħti sehemha għal dan flimkien ma’ pajjiżi oħra li jemmnu li biex id-dinja ma teqridx lilha nnifisha, il-pajjiżi differenti bis-sistemi differenti tagħhom hemm bżonn isibu mod kif jgħixu ma’ xulxin u jaħdmu flimkien fejn jaqblu.” Evarist Bartolo qal dan fl-intervista li għamillu dan il-ġurnal dwar dak li għaddej fid-dinja llum.

Il-President Franciz Emmanuel Macron għadu kemm żar iċ-Ċina għal laqgħat mal-President Ċiniż Xi Jinping. X’importanza kellha żjara bħal din, l-aktar meta qal li l-Unjoni Ewropea m’għandhiex sempliċiment timxi wara ħaddiehor u tkun biss spettatur flok attur f’dak li jiġri fid-dinja?

Tajjeb li l-President Macron mar iċ-Ċina. Tajjeb ukoll li qal li l-Unjoni Ewropea għandha tkun “sovrana” u mhux dipendenti fuq qawwiet dinjin oħra (sintendi kien qed jgħid ukoll għall-Istati Uniti) għax dan iġib lill-Unjoni Ewropea li ma tkunx kapaċi tiddeċiedi għaliha nnfisha u għall-ġid taċ-ċittadini tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea. Jiena ċert li meta jieħdu deċiżjonijiet li se jolqtu liċ-ċittadini tagħhom, pajjiżi bhall-Istati Uniti u ċ-Ċina, l-ewwel li jieħdu ħsieb hu l-interessi u l-ġid taċ-ċittadini tagħhom. Ma ninsewx x’qal id-diplomatiku ewlieni Amerikan Henry Kissinger: “L-Amerika m’għandhiex ħbieb jew għedewwa permanenti, għandha biss interessi.”

Li tpoġġi l-interessi u l-ġid tal-poplu tiegħek l-ewwel ma jfissirx li bilfors għandek tweġġa’ u ma tagħtix każ l-interessi u l-ġid ta’ popli oħra. L-aqwa kisbiet tad-diplomazija hu kif tipprova tfittex u ssib kemm jista’ jkun il-gid komuni billi tieħu ħsieb il-ġid u l-interessi tal-poplu tiegħek u ta’ popli oħra. L-agħar hu meta tkun qawwa kbira u tara biss l-interessi tiegħek u ma jimpurtakx kif se jintlaqtu popli oħra. Dan hu li jġib l-iżjed inkwiet u gwerer fid-dinja.

Imma kif tista’ l-Unjoni Ewropea tagħti s-sehem partikolari f’dak li jiġri fid-dinja, jekk għad-difiża tagħha għadha kompletament dipendenti fuq l-Istati Uniti permezz tal-alleanza tan-NATO?

L-Unjoni Ewropea hija qawwa kbira kummerċjali imma politikament u militarment hija dgħajfa. Franza, waħedha, hija inqas dgħajfa mill-Unjoni Ewropea għax għandha l-armamenti nukleari u hija membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. L-Unjoni Ewropea la għandha armamenti nukleari u lanqas mhi membru fil-Kunsill tas-Sigurtà. L-aqwa mod kif Franza turi li hi Ewropea iżjed milli hi Franċiża hu li tpoġġi l-armamenti nukleari taħt il-kontroll tad-Difiża Komuni tal-Unjoni Ewropea u tagħti s-siġġu tagħha fil-Kunsill tas-Sigurtà lill-Unjoni Ewropea. M’hemm l-ebda sinjal li Franza lesta mqar tikkunsidra dan.

Anki fiż-żjara fiċ-Ċina, għalkemm kellu miegħu lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, kien ċar li Macron kien hemm l-ewwel u qabel kollox bħala President ta’ Franza u fittex l-interessi kummerċjali ta’ Franza qabel tal-Unjoni Ewropea. Imma anki Franza, hija dgħajfa u xorta ftit li xejn qed tinfluwenza dak li qed jiġri fid-dinja, anki fejn qabel kellha l-kolonji tagħha.

Jekk l-Unjoni Ewropea trid tinħass iżjed fid-dinja u tittieħed bis-serjetà meta tgħid li jrid ikollha sovranità, awtonomija strateġika u mhux tobdi sempliċiment lill-Istati Uniti, trid l-ewwel tingħaqad iżjed. Imma mhux billi tmur kontra l-interessi u l-ġid tal-pajjiżi membri u tal-popli tagħhom.

Tingħaqad u tissaħħaħ tassew mhux billi tieħu iżjed poter lejn l-istituzzjonijiet ta’ Brussell iżda billi dak li jiġi deċiż fi Brussell ikun fl-interessi u għall-ġid taċ-ċittadini tal-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea.

Jekk iċ-ċittadini Ewropej jaraw fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum li d-deċiżjonijiet li jittieħdu fi Brussell qed jolqtuhom tajjeb u jagħmlulhom il-ġid, allura jħossu li l-Unjoni Ewropea hija tajba għalihom u jappoġġjawha u jsaħħuha. Jekk jaħsbu li qed jiġri bil-maqlub, iduru kontra l-Unjoni Ewropea u tiddgħajjef. Mhu faċli xejn li tagħġen politika u tieħu deċiżjonijiet fejn taħseb fil-ġid komuni ta’ tant pajjiżi u popli differenti anki b’interessi differenti. Imma l-proġett politiku tal-Unjoni Ewropa li bħalu mhawnx u qatt ma kien hawn fid-dinja: li pajjiżi jiftehmu li jaħdmu flimkien għall-ġid komuni tagħhom billi jħollu d-differenzi tagħhom b’laqghat flok bi gwerer qatt ma kien se jkun faċli u mhux se jsir faċli.

Meta titkellem fuq li trid tkun sovrana u jkollha awtonomija strateġika, l-Unjoni Ewropea trid tkun realistika u umli, jekk trid tittieħed bis-serjetà.

Fil-bidu tas-sena li għaddiet l-Unjoni Ewropea qablet fuq id-dokument tagħha dwar awtonomija strateġika.

Imbagħad ir-Russja invadiet lill-Ukrajna u l-Unjoni Ewropea u n-NATO mmexxi mill-Istati Uniti lanqas baqgħu jingħarfu minn xulxin. Il-gwerra uriet li ma jistax ikollok awtonomija strateġika jekk ma jkollokx awtonomija enerġika u tkun dipendenti ħafna fuq pajjiżi oħra, f’dan il-każ l-aktar ir-Russja. Il-pandemija tal-Covid-19 kienet uriet li ma jistax ikollok awtonomija strateġika jekk ma jkollokx awtonomija f’maskri, mediċina u apparat mediku ieħor jekk tkun dipendenti ħafna fuq pajjiżi oħra, f’dan il-każ l-aktar iċ-Ċina.

L-Unjoni Ewropea issa taf iżjed b’mod realistiku li biex ikollha awtonomija strateġika u tkun sovrana hemm bżonn li ma tkunx ikkundizzjonata b’dipendenza żejda fuq pajjiż ieħor f’xi qasam importanti.

L-Unjoni Ewropea issa taf li anki fil-qasam tat-teknoloġija diġitali u tal-enerġija nadifa m’għandhiex tkun dipendenti żżejjed fuq xi pajjiż ieħor għar-riżorsi u teknoloġija, jista’ jkun l-Istati Uniti stess, tista’ tkun iċ-Ċina u jista’ jkun pajjiż ieħor.

L-Istat Uniti fasslet żewġ skemi kbar, l-Inflation Reduction Act u US Chips Act biex issaħħaħ is-setturi tagħha industrijali u teknoloġiċi biex tiġbed investiment ġdid u fil-każ tal-microchips ma tibqax dipendenti ħafna fuq it-Tajwan.

Fl-Unjoni Ewropea, l-iżjed fil-Ġermanja, dan ġab tħassib serju li kumpaniji tal-karozzi se jitilqu mill-Ġermanja u jmorru jaħdmu fl-Istati Uniti mħajrin mill-inċentivi ġodda offruti. Biex tagħqad, l-ekonomija Ewropea ntlaqtet ukoll mill-prezzijiet ogħla tal-enerġija li weġġhet il-kompettività tagħha.

Għad irridu naraw kemm l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea se jirnexxielhom jaqblu biex iż-żewġ skemi Amerikani jgawdu minnhom kumpaniji Ewropej ukoll bla jintlaqtu ħażin il-pajjiżi membri għax jitilfu partijiet mill-industriji tagħhom.

Is-sena 2022 kienet is-sena li fiha l-Unjoni Ewropea bdiet tintebaħ kemm għandha tifrex ir-relazzjonijiet tagħha ma’ kemm tiflaħ pajjiżi differenti fil-kontinenti tad-dinja biex ma tkunx dipendenti żżejjed fuq xi wieħed minnhom. Għalhekk l-Unjoni Ewropea tagħmel żball jekk ma tibnix relazzjonijiet ġodda mal-pajjiżi tal-Afrika u ta’ kontinenti ohra fuq il-bażi tal-ġid komuni u tal-ugwaljanza u tneħħi kull xorta ta’ kolonjaliżmu magħhom. Il-pajjiżi tad-dinja għandhom bżonn xulxin għax l-ebda pajjiż fid-dinja ma jista’ jgħix waħdu għax għandu kollox. Imma jekk qabel il-kummerċ kien isir fuq bażi globalizzata issa hemm minnu li se jsir iżjed fuq bażi reġjonalizzata.

Allura l-Unjoni Ewropea bilfors hija kkundannata li sempliċiment issegwi dak li tordnalha l-Istati Uniti, anki meta dan imur kontra l-interessi u l-ġid taċ-ċittadini Ewropej?

Naħseb l-ewwel trid tneħħi kull illużjoni li hija ċ-ċentru tad-dinja u li xħin titkellem hi, kulħadd jieqaf jismagħha. Kellu raġun l-ex President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker f’Jannar 2022 jgħid f’intervista ma’ Gilles Gressani: “L-Ewropa, li hija akbar mill-Unjoni Ewropea, hija pjuttost żgħira. Aħna l-iċken kontinent fid-dinja għalkemm dejjem naħsbu li aħna ċ-ċentru tad-dinja. M’aħniex, u qatt ma konna, l-aktar dominanti fl-istorja tad-dinja … għandna bżonn naraw kif se nsawru r-relazzjoni tagħna mal-bqija tad-dinja – mal-Istati Uniti, maċ-Ċina, mar-Russja, mal-inħawi ġirien tagħna, li jinkludu lit-Turkija u l-Lvant Nofsani u mal-Afrika, kontinent li l-importanza tiegħu huwa traskurat ħafna mill-pajjiżi Ewropej.”

Jaqbel miegħu l-ex-President l-ieħor tal-Kummissjoni Ewropea, Romano Prodi. Jgħid li l-Unjoni Ewropea żgur m’għandhiex timmira li ssir xi superpotenza militari imma għandha tiżviluppa difiża komuni kapaċi tagħti sehemha għas-sigurtà u l-istabilità b’mod reġjonali fil-Mediterran u fl-Afrika. Bħal Juncker jghid ukoll li l-Unjoni Ewropea trid tegħleb in-nostalġija imperjali tagħha u tibni relazzjonijiet ta’ koperazzjoni u rispett sħih fil-Mediterran u fl-Afrika bla b’arroganza timponi u tipprietka l-valuri tagħha.

Prodi jgħid li l-Unjoni Ewropea għandha tuża s-saħħa industrijali, kummercjali, xjentifiku u kulturali tagħha biex tikkopera ma’ pajjiżi oħra għall-paċi u s-sigurtà. Għandna wkoll tagħmel ħidma ta’ medjazzjoni u bilanċ bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina u ma tħallix lilha nnifisha titgħaffeġ fir-rivalità ta’ bejn dawn iż-żewġ qawwiet il-kbar. Dan kollu mhux faċli iżda lanqas impossibbli.

Kif tara li qed jiżviluppaw ir-relazzjonijiet internazzjonali meta donnu d-dinja se tinfired fi blokki kontra xulxin?

Jiddependi ħafna minn kif se jġibu ruħhom l-Istati Uniti u ċ-Ċina. Jekk iridu jimponu lilhom infushom fuq id-dinja u jridu lill-pajjiżi l-oħra jobduhom anki meta mhux għall-ġid tal-popli tagħhom, se jkollna l-inkwiet. Jekk xi qawwa kbira trid lill-pajjiżi l-oħra tad-dinja jżommu magħha kontra l-qawwa l-oħra, se jkollna iżjed inkwiet. Ħafna pajjiżi fid-dinja ma qablux mal-invażjoni Russa tal-Ukrajna iżda lanqas qablu li jobdu lill-Istati Uniti u lill-Unjoni Ewropea fis-sanzjonijiet kontra r-Russja għax raw li se jweġġgħu lill-popli tagħhom. Jekk l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea jippretendu li l-pajjiżi l-oħra jobduhom b’għajnejhom magħluqa se jbegħduhom iżjed minnhom.

Dan l-aħħar iċ-Ċina stqarret 12-il prinċipju li fuqhom trid timxi fir-relazzjonijiet taghha mal-bqija tad-dinja. Tgħid li m’għandu jkun hemm l-ebda pajjiż li jindaħal u jiddetta lill-pajjiżi l-oħra x’għandhom jagħmlu. Wara kollox iċ-Ċina fl-interess tagħha li tkun f’relazzjoni tajba ma’ ħafna pajjiżi tad-dinja biex titma lilha nnifisha għax għandha bżonn timporta l-qmugħ, għandha bżonn timporta r-riżorsi għall-industriji tagħha u għandha bżonn tkompli bil-kummerċ tagħha mal-akbar numru possibbli ta’ pajjiżi. Il-prinċipji tagħha huma bbażati fuq dawk tan-Nazzjonijiet Magħquda favur is-sovranità u l-integrità territorjali tal-pajjiżi kollha, kbar u żgħar u favur li t-tilwim jissolva bin-negozjati u mhux bil-gwerra.

Dawn il-prinċipji taċ-Ċina jixbħu ħafna wkoll dak li jgħid Papa Frangisku fi ‘Fratelli Tutti’ fejn jgħid li l-pajjiżi kollha għandhom igawdu d-diversità tagħhom u jiżviluppaw għall-gid tagħhom bla ma jkun hemm xi ċentru jikkontrollahom f’relazzjoni kolonjali finanzjarja, kulturali u ta’ riżorsi. Naħseb li għandu raġun il-Papa jitkellem favur li nneħħu l-forom ġodda ta’ kolonjalizmu li għad fadal fid-dinja wara li suppost l-imperi spiċċaw meta fl-aħħar 80 sena l-pajjiżi bdew jingħataw l-indipendenza nazzjonali tagħhom. L-indipendenza nazzjonali vera hija ferm iżjed milli jkollok il-bandiera, l-innu u l-kap ta’ stat tiegħek. Hija d-dritt li tieħu d-deċiżjonijiet li għandek tieħu għall-ġid tal-poplu tiegħek bla ma tagħmel ħsara u tweġġa’ pajjiżi u popli oħra.

X’inhu l-akbar periklu li tara għad-dinja ghaż-żmien li ġej?

Inħoss li għandna nitgħallmu ħafna minn dak li qal id-diplomatiku Amerikan George Kennan 30 sena ilu meta fl-Istati Uniti, wara l-waqgħa tal-Unjoni Sovjetika, kien hemm politiċi u mexxejja militari bdew jgħidu li l-Istati Uniti issa għandha tagħmel minn kollox biex ma tħallix xi pajjiż ieħor jikber u jissaħħaħ u jsir qawwa kbira u dinjija. Riedu li l-Istati Uniti ma jkollha l-ebda rival dinji ġdid u hi tkun l-aktar pajjiż b’saħħtu fid-dinja. Għalhekk ma ridux ixolju n-NATO għax riedu jżommuha bħala għodda Amerikana biex tiddetermina x’jiġri fl-Ewropa.

Wara l-waqgħa tal-ħajt ta’ Berlin sfortunatament waqgħet ukoll l-arkitettura ta’ sigurtà mal-Ewropa kollha u ma nbnietx u ma ssaħħitx sistema ta’ koperazzjoni u stabilità li kienet tinkludi lil kulħadd, mill-Portugall sar-Russja.

Minflok reġġgħet infirdet l-Ewropa bin-NATO jespandi sal-fruntiera tar-Russja li ħassitha mhedda. Dak iż-żmien George Kennan u diplomatiċi u politiċi oħra Amerikani wissew li dak it-tkabbir tan-NATO se jerġa’ jdawwar lir-Russja f’għadu u se jkun hemm gwerra fl-Ukrajna.

Kennan inkwieta wkoll li f’Washingtomn issaħħet il-fehma li l-Istati Uniti għandha tkun tista’ tikkontrolla l-pajjiżi kollha f’kull naħa tad-dinja.

Kennan wissa li dan se jġib traġedji kbar u l-Istati Uniti messha minflok tagħti sehemha mal-bqija tal-pajjiżi tad-dinja biex jissolvew ħafna problemi li llum nafu li hemm bżonn koperazzjoni bejn il-pajjiżi tad-dinja biex jissolvew.

Inkwetanti llum li qed nerġgħu naraw tant pajjiżi jonfqu dejjem iżjed f’armamenti ferm aktar perikolużi minn qatt qabel. Inkwetanti li qisu d-diplomazija llum hi aktar dwar kif se tintrebaħ xi gwerra milli flok x’jista’ jsir biex tiġi evitata u kif tista’ titrażżan il-qerda u l-qtil tal-gwerer.

Perikoluż li jkollna xi pajjiż, hu min hu, li jrid jiddomina pajjiżi oħra jew b’invażjonijiet militari jew b’forom ohra ta’ poter finanzjarju u teknoloġiku.

Il-pajjiżi l-oħra ma jaċċettawx li jiġu ddominati u kkontrollati f’forom ġodda ta’ imperjaliżmu, sfaċċat jew sottili. Ir-reżistenza għal dan id-dominju tieħu ħafna forom differenti u tvarja minn pajjiż għall-ieħor u hemm fejn tista’ tkun vjolenti u ġġib iżjed taqlib, inkwiet u traġedji meta d-dinja mimlija diġà problemi bħall-emerġenza tal-klima, pandemiji, faqar u mard li jistgħu jiġu indirizzati bis-sens jekk naħdmu lkoll flimkien.”

Ekonomija

Sport