Thursday, May 21, 2026

“Abbraċċajna l-politika progressiva li tinvesti fin-nies”

- il-Prim Ministru Robert Abela f’dibattitu ieħor mal-Kap tal-Oppożizzjoni

Aqra wkoll

Illejla sar it-tielet dibattitu bejn il-mexxejja politiċi waqt din il-kampanja elettorali, il-Prim Ministru Robert Abela reġa’ għal darb’oħra wera kemm huwa konvinċenti fl-argumenti tiegħu u l-proposti li qed iressaq ’il quddiem mentri fuq in-naħa l-oħra, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg kompla jsemmi proposti li qed joħolqu aktar mistoqsijiet milli tweġibiet.

Waqt il-programm Xtra li xxandar fuq l-istazzjon nazzjonali, il-Prim Ministru beda billi nnota kif il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat l-iSpring Forecast tagħha u tat lil pajjiżna ħames ċertifikazzjonijiet mill-aqwa.

“L-aqwa ekonomija fl-Ewropa. L-aqwa ħolqien tax-xogħol. L-inqas rata ta’ qgħad. Rata ta’ defiċit sew taħt it-3% qabel iż-żmien miftiehem mal-Kummissjoni Ewropea – dik ta’ 2.2%. Dan filwaqt li l-piż tad-dejn – fil-livell ta’ 46%,” qal Dr Abela.

Dwar l-inflazzjoni, huwa nnota li din hi fost l-inqas fl-Ewropa, fil-livell ta’ 2.5%, mentri l-medja Ewropea hi dik ta’ 3.1%. Din is-sena, qed ikun imbassar li pajjiżna se jagħlaq is-sena b’rata ta’ inflazzjoni ta’ 2.7%.

Hawn Dr Abela qal li kienet pertinenti d-domanda li l-midja għamlet lill-Kap tal-Oppożizzjoni fuq x’inhu l-impatt fuq il-‘fiscal forecasts’ tal-pajjiż bl-implimentazzjoni tal-manifest tal-proposti tal-PN. “Dakinhar inti lanqas kont taf il-kunċett ta’ fiscal forecasts fih innifsu xi jfisser,” qal il-Prim Ministru meta kien qed jindirizza lil Dr Borg.

Għalhekk, Dr Abela qal li r-riżultati li qed jikseb pajjiżna huma frott il-fatt li “armejna kompletament il-politika ta’ awsterità li kien iħaddan ħaddieħor u abbraċċajna l-politika progressiva li tinvesti fin-nies. Is-sussidji tal-enerġija, il-covid wage supplements waqt pandemija, ipproteġejna lil kulħadd u r-riżultat hu dak li għandna llum.”

Dwar il-manifest, huwa qal li dan jitwieled minn prinċipju u mbagħad jagħtu għajnuniet lejn fejn iridu jiddirezzjonaw lill-pajjiż. “€5,000 għal kull wild. It-tisħiħ tal-maternity leave u l-paternity leave. Il-ħolqen tal-parental leave. 15% żieda fl-istipendju. Għajnuna għal min imur Erasmus, aktar għajnuniet lill-first time buyers u lill-pensjonanti. Kollha għajnuniet biex inżommu l-ekonomija tagħna tibqa’ għaddejja.”

Huwa kompla billi nnota l-iżbalji li sejħilhom “massiċċi” fin-numri li qal li hemm fil-manifest elettorali tal-PN. Qal li l-pjan tal-Oppożizzjoni għall-ikkontrollar taż-żieda fil-popolazzjoni hi dik li jagħtu pensjoni lil kull ħaddiem barrani li jiġi f’pajjiżna.

Dwar il-persuni li jinsabu f’riskju ta’ faqar, il-Prim Ministru qal li fi żmien Gvern Nazzjonalista r-rata kienet ta’ 25% iżda Gvern Laburista niżżilha għal 17%. “Ma ngħidux li hi perċezzjoni. Għalhekk għandna manifest li tiffoka fuq dik il-faxxa tan-nies.”

Dwar il-proposta tal-PN f’dak li jirrigwardja t-taxxa tas-suċċessjoni, il-Prim Ministru nnota kif in-nies se jmorru agħar bil-proposta tal-PN meta kkumparat ma’ dik li qed iressaq ’il quddiem il-Partit Laburista.

“Bil-proposta tagħna kull wild li jiret proprjetà li tkun residenza ordinarja tiegħu jew tal-ġenituri tiegħu ma jħallasx ċenteżmu la meta jiret u lanqas meta jbigħ,” qal il-Prim Ministru.

Huwa nnota wkoll li dwar is-sistema tat-trasport, il-PN żgarra b’€900 miljun. “Dak huwa meta inti twaddab u twiegħed lil kulħadd u ma jkollokx esperti bħall-ARUP li jiggwidawk.”

“Li nwiegħed iżjed infurzar u iżjed tisħiħ tal-obbligi għas-sorveljanza”

Dr Abela tkellem ukoll dwar il-bosta miżuri li saru fil-qasam tal-kostruzzjoni filwaqt li semma kif fil-manifest qed ikun propost li se jgħinu lil dawk il-ġirien li jistgħu jkunu impattati negattivament mill-proċess ta’ kostruzzjoni billi jekk ikollhom ħsarat, il-Gvern se jagħmel tajjeb għal dik l-ispiża mbagħad ikun hu stess li jfittex dak il-kuntrattur li jkun wieħed responsabbli.

“M’iniex se niġġustifika lil ħadd li jikser il-liġi. Lil ħadd. Mhux aċċettabbli. Qalbi ma dawk it-13-il familja li kellhom joħorġu minn djarhom anke minħabba prekawzjoni. Li nwiegħed huwa iżjed infurzar, iżjed tisħiħ tal-obbligi għas-sorveljanza. Għamilna ħafna iżda fadal x’nagħmlu biex ikollna qafas li jkun wieħed sigur u settur li jopera fl-akbar limiti ta’ sigurtà.”

Mistoqsi dwar ir-referendum li qed ikun propost fuq l-ewtanasja, il-Prim Ministru qal li “se nagħtu l-għażla lill-poplu. Nifhem li hi tema sensittiva li tqajjem ħafna emozzjonijiet. Tema li ħafna nies għandhom fehmiet personali dwarha. Nemmen li hi kwistjoni li l-poplu jesprimi lilu nnifsu dwarha f’referendum imbagħad naturalment aħna, tkun xi tkun id-deċiżjoni tal-poplu, ġewwa l-Parlament nirrispettaw dik ix-xewqa.”

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar ir-riforma fl-appelli tal-ippjanar biex tissaħħaħ l-ispeditezza u r-riforma li permezz tagħha siti bħal Manoel Island qatt u qatt iżjed ma jerġa’ jkun żviluppat.

Dwar il-proposta tas-superbonus, il-Prim Ministru qal li din hi waħda ċara: €1,000 ta’ kull sena lil kull min jaħdem f’dan il-pajjiż. Mhux taxxabbli u jirċeviha kulħadd, anke self-employed. Fl-istess waqt, huwa qal li kienu ċari fuq il-proposti marbuta mal-compressed week, flexi-time u remote working.

Dr Abela temm jgħid li “kemm jien u t-tim tiegħi idejna fuq il-polz tal-poplu. Bl-akbar sens t’umiltà, nibqgħu nisimgħu l-weġgħat tan-nies. Dak hi l-missjoni tiegħi għalhekk nitlob fiduċja tal-poplu biex nibqgħu nagħmlu l-ġdid fis-soċjetà kollha.”

II-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg, meta kien qiegħed jitkellem dwar il-popolazzjoni, qal li huma jridu jsolvu l-problemi li skontu ħoloq ħaddieħor.

Mistoqsi għalfejn ċertu kliem bħal “korruzzjoni” ma ssemmewx mill-PN f’din il-kampanja elettorali, Dr Borg qal li għandhom kapitlu sħiħ fuq il-governanza tajba u forsi dawk il-frażijiet ma ssemmewx “għax tant ħriġna proposti li ‘it got overshadowed’.”

Huwa saħaq ukoll li se jkun qiegħed iħabbar aktar dettalji dwar is-sistema ta’ trasport tal-massa. Dan meta ninsabu fuq l-għatba ta’ elezzjoni ġenerali u s-Sibt li ġej se ssir l-early voting.

Dr Borg żied li se jkunu qegħdin jagħmlu investiment f’erba’ sptarijiet ġodda madwar Malta u Għawdex, fejn reġa’ qal li wieħed minnhom se jkun fit-Tramuntana, mingħajr iżda ma ta aktar dettalji.
Mistoqsi dwar l-IVF, huwa nsista li dejjem kien konsistenti li huwa “favur l-IVF. Aħna partit favur il-ħajja mill-konċepiment sal-mewt.

Dwar l-ewtanasja, huwa qal li joqogħod għar-rieda tal-poplu. Dwar il-proposta tal-4 day week, Dr Borg qal li din ħolqot diskussjoni u l-ħsieb kien li jkun hemm proġett pilota, li jaraw jistax jaħdem u kif jista’ jiġi implimentat filwaqt li trid dejjem iżżomm f’moħħok il-produttività.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni temm jgħid li huwa qed joffri “politika pożittiva” li tħares biss lejn il-ġejjieni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport