Ġie ffirmat l-ewwel Ftehim Kollettiv bejn il-General Workers’ Union u Tech.mt li se jkopri l-perjodu bejn l-2024 u l-2029 u li se jibbenefika lill-ħaddiema fil-gradi ta’ Senior Managers, Managers, Senior Coordinators, Coordinators u Administrative Officers.
Waqt l-iffirmar tal-ftehim, is-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi fi ħdan il-GWU, Riccarda Darmanin, qalet li dan huwa mument importanti kemm għall-Fondazzjoni kif ukoll għall-GWU, filwaqt li saħqet fuq is-sodisfazzjon tagħha li tara t-Taqsima tkompli tikber u tissaħħaħ f’oqsma professjonali strateġiċi bħalma huwa s-settur tat-teknoloġija.
Hija sostniet li Tech.mt għandha rwol kruċjali fl-ekonomija Maltija fi żmien fejn it-teknoloġija qed tmexxi l-iżvilupp u l-innovazzjoni, u għalhekk kien importanti li jintlaħaq ftehim li jirrifletti r-responsabbiltajiet u l-impenn tal-ħaddiema.
Riccarda Darmanin irringrazzjat lill-membri għall-fiduċja u l-appoġġ li taw lill-Union matul il-proċess tan-negozjati, u spjegat li din il-fiduċja kienet kruċjali biex jintlaħaq ftehim li joffri kundizzjonijiet aħjar u aktar ċertezza lill-impjegati.
Il-ftehim jinkludi titjib fil-pagi bażiċi, introduzzjoni ta’ allowances ġodda li jirrikonoxxu l-kompetenzi professjonali tal-ħaddiema, kif ukoll struttura aktar ċara tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-benefiċċji. Ġew introdotti wkoll aktar miżuri favur il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali, fosthom ġranet addizzjonali ta’ leave marbuta mal-istudju u l-eżamijiet.
Permezz ta’ dan il-ftehim, il-ħaddiema issa għandhom dokument komprensiv li jinkludi d-drittijiet tagħhom, il-proċeduri legali u dixxiplinarji, kif ukoll il-family friendly measures, sabiex ikun hemm aktar trasparenza, stabbiltà u serħan il-moħħ fuq il-post tax-xogħol.
Is-Segretarju tat-Taqsima rringrazzjat ukoll lill-management ta’ Tech.mt, lir-rappreżentanti tal-Industrial Relations Unit, lir-rappreżentant tal-ħaddiema Karl Gauci, kif ukoll lill-Assistent Segretarju tat-Taqsima Cynthia Schembri għall-mod professjonali u rispettat li bih tmexxew in-negozjati.
Għall-iffirmar attendew is-Segretarju Permanenti Godwin Mifsud, iċ-Chairman Mark Bugeja u uffiċjali mill-Ministeru. Iffirmaw il-ftehim il-Kap Eżekuttiv Wayne Grixti, is-Segretarju tat-Taqsima Riccarda Darmanin, l-Assistent Segretarju Cynthia Schembri, ir-rappreżentant tal-ħaddiema Karl Gauci u Thomas Wood f’isem l-Industrial Relations Unit fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

