L-ekonomija Maltija żammet ilpass ta’ tkabbir b’saħħtu. L-aħħar rapport maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea wera kif fl-2025, it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna kien fil-livell ta’ 4.0%, liema tkabbir kien sostnut minn konsum domestiku robust u
mis-settur turistiku.
Il-KE issa qed tbassar li dan it-tkabbir mistenni jimmodera għal 3.7% fl-2026 u
3.6% fl-2027. B’hekk, għal din is-sena u s-sena d-dieħla, Malta qed tkun imbassra
li se jkollha l-akbar tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Il-KE qalet li l-prestazzjoni ekonomika b’saħħitha ta’ Malta hi msejsa fuq is-setturi tas-servizzi robusti tagħha bħalma huma s-servizzi rikreattivi, professjonali, tat-teknoloġija tal-informatika u dawk finanzjarji.
“It-tkabbir fis-settur turistiku qabeż l-aspettattivi fl-2025 u huwa mistenni jżomm il-momentum fl-2026, minkejja ż-żieda fl-inċertezza ġeopolitika,” żiedet tgħid il-KE.
Intqal ukoll li l-impjiegi żdiedu b’3.9% fl-2025, bit-tkabbir fl-impjiegi mistenni
jinżel għal 3.2% fl-2026 u 3.1% fl-2027, f’konformità mal-moderazzjoni fl-attività
ekonomika. Ir-rata tal-qgħad hija mistennija tibqa’ baxxa ħafna, fil-livell ta’ 3.0%.
Ir-rata ta’ inflazzjoni hi mbassra li se tilħaq it-2.7% fl-2026 u tonqos għal 2.3% fl-2027. Il-KE nnutat ukoll li fl2025, id-defiċit tal-Gvern niżel għal 2.2% tal-PDG u
huwa previst li jibqa’ stabbli fl-istess livell għal din is-sena u jonqos għal 2.1% fl-2027.
Dan filwaqt li l-proporzjon tad-dejn imqabbel mal-PDG huwa mistenni li jistabbilizza ruħu għal madwar 46% matul il-perjodu tat-tbassir.

