Friday, May 22, 2026

50 sena mindu kien għamel żjara f’Malta…

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Kien proprju ħamsin sena ilu, meta l-Kurunell Muammar Gaddafi kien għamel żjara f’Malta u fiha kien iddikjara li l-Libja lesta tgħin lil Malta biex teħles mill-bażi. Kien ġie dikjarat li l-Libja hi kontra li Malta tkun fl-alleanza militari tan-NATO.

F’rapport li kien ixxandar dakinhar kien ingħad hekk: “hu importanti li d-dinja Għarbija, speċjalment il-Libja tgħin lil Malta finanzjarjament sakemm b’din l-għajnuna Malta tkun ħielsa ekonomikament u ma jkollhiex bżonn aktar bażijiet militari, qal il-President Libjan, il-Kurunell Muammar Gaddafi llejla.

Hu kien qed iwieġeb mistoqsijiet li saru mill-istudenti wara diskors li għamel
fil-Politeknik”. Kien intqal li “l-President Libjan beda l-indirizz tiegħu lill-istudenti
li ħonqu l-Politeknik billi qal li hu jinsab ferħan ħafna li jinsab Malta, l-aktar li Malta issa hi Repubblika.

“Malta Repubblika’ tfisser pass ‘l quddiem fir-rebħiet kbar tal-poplu Malti qal il-President”. “Hu imbagħad għadda biex jitkellem dwar ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Libja u qal li dawn m’humiex relazzjonijiet bejn il-barranin. Hemm ħafna raġunijiet għala r-relazzjonijet bejn Malta u l-Libja huma relazzjonijiet speċjali.

Biex dawn ir-relazzjonijiet ikunu relazzjonijiet tassew u mhux relazzjonijiet ta’ l-isem, kemm il-Libjani kif ukoll il-Maltin għandhom isiru jafu aktar lil xjulxin. Biex dawn ir-relazzjonijiet jibqgħu familjari jeħtieġ niddiskutu bejnietna ħalli b’hekk insiru nafu aktar lil xulxin.”

Ir-rapport kompla: “xtaqt inkellem liż-żgħażagħ għax huma l-ġenerazzjoni tal-futur u għalhekk għandhom jifhmu dawn ir-relazzjonijiet qal il-President. Imbagħad hu tkellem fit-tul dwar l-istorja tal-poplu Malti u fisser li l-Maltin huma ta’ nisel semitiku l-istess bħal poplu Libjan.”

Ir-rapport kien qal ukoll li “l-President Gaddafi qal li l-qawwiet barranin li ħakmu lil Malta u għamluha kolonja tul iż-żminijiet ippruvaw idallmu l-verità dwar in-nisel Malti. Il-kolonjaliżmu ħassar ħafna mill-istorja kif ukoll ħafna mill-verità”.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport