Dr Lydia Abela, mart il-Prim Ministru, akkumpanjata mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana u mis-Segretarju Permanenti Matthew Vella u l-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar, żaret l-Attività Sportiva 2026 li qed issir fl-MFCC Ta’ Qali.
Mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela mhux biss segwiet lill-istudenti jipparteċipaw f’attivitajiet sportivi, iżda kellha wkoll l-opportunità titkellem magħhom dwar l-importanza li l-isport għandu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Hija pprattikat ukoll numru ta’ sports mal-istudenti.
Hija saħqet li l-isport imur ferm lil hinn mill-attività fiżika, “l-isport huwa għodda li tgħinna nkunu aktar dixxiplinati, inrabbu l-kunfidenza u nsiru nemmnu dejjem aktar fina nfusna”.
Dr Abela żiedet tgħid li inizjattivi bħal dawn jgħinu lill-istudenti jikbru bħala persuni, joħolqu relazzjonijiet pożittivi ma’ oħrajn u jiżviluppaw ħiliet importanti għall-ħajja. Hija enfasizzat li meta nagħtu lit-tfal u ż-żgħażagħ aktar opportunitajiet biex jieħdu sehem fl-isport, inkunu qed ninvestu f’ġenerazzjoni aktar b’saħħitha, aktar kunfidenti u aktar magħquda.
Min-naħa tiegħu, il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana semma kif Attività Sportiva 2026 qed tiġbor flimkien studenti minn skejjel madwar Malta u Għawdex f’ambjent enerġetiku, impenjattiv u inklussiv. Avveniment li fuq kollox qed jippromwovi stil ta’ ħajja attiv u b’saħħtu.
Huwa qal li madwar 5,000 student li ġejjin mill-iskejjel medji u sekondarji mifruxa madwar Malta u Għawdex, qed ikollhom l-opportunità jipparteċipaw f’firxa wiesgħa ta’ attivitajiet, fosthom basketball, ġinnastika, table tennis, OCR u obstacle race courses. Dan flimkien ma’ esperjenzi interattivi oħra u diġitali li huma mfassla biex jagħmlu l-isport aktar aċċessibbli, divertenti u parteċipattiv għal kulħadd.
Dan l-avveniment sportiv li qed isir taħt il-patroċinju tal-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni, b’kollaborazzjoni ma’ SportMalta u l-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, se jkun qed jiġi fi tmiemu nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Mejju.

