Freiburg…………….0
Aston Villa…………. 3
Fil-finali tal-UEFA Europa League, Aston Villa għelbu lil Freiburg bl-iskor ta’ 3-0 biex rebħu t-tieni unur Ewropew wara 44 sena, meta fl-1982, kienu rebħu t-Tazza Ewropea kontra team Ġermaniż ieħor, Bayern Munich bl-iskor ta’ 1-0.
Din ir-rebħa kienet tfisser ukoll li Liverpool u Bournemouth/Brighton aċċertaw posthom fil-UEFA Champions hekk kif fl-istaġun li ġej, l-Ingilterra se tkun rappreżentata minn sitt timijiet f’din il-kompetizzjoni.
Aktar minn hekk, il-manager Unai Emery rebaħ din it-Tazza ħames darbiet, bl-erbgħa l-oħra jkunu tlieta ma’ Seville u waħda ma’ Villarreal.
Il-Villa mill-ewwel urew l-intenzjonijiet tagħhom u wara biss tliet minuti resqu viċin li jiftħu l-iskor meta Morgan Rogers venven xutt minn tarf il-kaxxa iżda sab lill-goalkeeper, Noah Atubolu, attent hekk kif wettaq save brillanti.
Fl-10 minuta, l-istess player ipprova jaħsad li Atubolu b’xutt imdawwar, li iżda, intemm barra.
Fis-17-il minuta, Freiburg setgħu fetħu l-iskor meta l-Villans ikklerjaw qasir bil-ballun jasal għand Nicolas Hofler li minn pożizzjoni ideali ma laqatx sew il-ballun biex iċ-ċans intilef.
Fit-42 minuta, Aston Villa marru fil-vantaġġ b’volley stupend ta’ Youri Tielemans li spiċċa fir-rokna tax-xibka mill-cross ta’ Rogers liema azzjoni bdiet bdiet minn corner qasir ta’ Lucas Digne.
U proprju fir-raba’ minuta tal-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, l-Ingliżi rduppjaw meta Emiliano Buendia rċieva l-ballun mingħand John McGinn, u minn barra l-kaxxa dawwar il-ballun fir-rokna tas-saqaf tax-xibka.
Fid-59 minuta, il-Villans aċċertaw ir-rebħa meta skorjaw it-tielet goal. L-azzjoni bdiet minn goal-kick hekk kif il-ballun wasal għand Buendia li qabeż player u xeħet cross fil-baxx fejn Morgan Rogers kien aktar veloċi mid-difensur avvesarju biex xeħet il-ballun fir-rokna tax-xibka.
Fis-76 minuta, Aston Villa fallew ċans tad-deheb meta Tielemans żmarka għal kollox lil Buendia li waħdu quddiem il-goalkeeper Atubolu, xeħet inkredibbilment barra.
Lejn l-aħħar minuti, Aston Villa għażlu li jamministraw il-vantaġġ li kellhom filwaqt li s-suffara finali ġabet magħha ċelebrazzjonijiet kbar mill-partitarji tagħhom.

