Sunday, May 5, 2024

Għawdxi mhux ħati li kkorrompa lil bintu minuri ta’ tliet snin

Aqra wkoll

Il-Qorti tal-Appell ippreseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, ikkonfermat deċiżjoni tal-ewwel Qorti u lliberat missier Għawdxi minn kull akkuża li kkorrompa lil bintu minuri ta’ 3 snin.

Il-missier, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, kien ġie akkużat li f’Settembru tal-2006 u anke fix-xhur ta’ qabel kien ikkorrompa lil bintu ta’ 3 snin. Kien 11-il sena wara, eżatt fis-6 ta’ Lulju tal-2017 meta l-Qorti t’Għawdex wara li kienet semgħet il-provi kollha ddikjarat li l-imputat ma kienx ħati tal-akkużi li ġie akkużat bihom u għalhekk illiberatu minnhom. Iżda l-Avukat Ġenerali kien appella minn din is-sentenza.

L-Imħallef Neville Camilleri fis-sentenza tiegħu nnota li l-ewwel seduta li fiha tressaq il-missier kien fil-5 ta’ Ġunju tal-2007, filwaqt li l-ewwel sentenza kienet ingħata fis-6 ta’ Lulju tal-2017. “M’hemmx għalfejn jingħad li dan huwa tul ta’ żmien inaċċettabbli bħalma ilhom pendenti l-proċeduri f’dan l-istadju tal-appell!” qal l-Imħallef is-sentenza tiegħu.

Il-Qorti filwaqt li għaddiet diversi osservazzjonijiet tax-xhieda li kienet tat il-minuri u anke rrapporti minn esperti mqabbda mill-Ewwel Qorti, qalet li mhux faċli xejn li t-tifla ta’ eta tenera tagħti x-xhieda tagħha quddiem il-qorti b’mod speċjali meta tkun fil-preżenza ta’ nies li ma tkunx taf min huma.

Ġie nnutat li x-xhieda li tat il-minuri kienet karatterizzata minn ħafna logħob u domandi suġġestivi, “u saħansitra kien hemm mument fejn il-konsulent legali tal-parte civile għamel tentattiv sabiex hi tgħid li l-appellat kien qalilha li dak li allegatament seħħ kien sigriet li ma setgħetx  titkellem dwaru. Għandu jingħad li l-użu ta’ stampi li saru u r-risposti mwieġba kienu vagi u inkonklussivi.”

Espert ieħor imqabbad mill-Qorti li jaħdem fl-Aġenzija Appoġġ jixhed li l-omm kienet tilmenta miegħu li l-proċess kien qed idum wisq għaddej. Ix-xhud jgħid li hu dejjem kien jgħid lil omm biex titkellem mal-avukati tagħha biex jagħmlu pressjoni fuq il-qorti biex l-Aġenzija Appoġġ tħaffef ix-xogħol tagħha.

L-istess xhur mill-Aġenzija Appoġġ jgħid li “waqt il-ħin tal-aċċess jiena kont nosserva li t-tifla kienet iġġib ruħha b’mod normali fil-konfront ta’ missierha u kienet tilgħab miegħu u anke meta kienet tarah, kienet titlaq tiġri għal fuqu. Ngħid illi meta hija bdiet tinsisti li jkun hemm l-omm preżenti u fil-fatt l-omm kienet tkun preżenti, it-tifla ukoll kienet l-attitudni tagħha lejn missierha kien ikun wieħed normali.”

Il-missier fix-xhieda tiegħu jgħid li waqt li kienet għaddejja l-medjazzjoni għas-separazzjoni kien irċieva messaġġ mingħand l-omm li fih kien hemm il-frażi “pink nail” u kien hawn li beda jissuspetta li l-omm kienet se tagħmel xi allegazzjonijiet dwaru. Hu mill-ewwel kien irrapporta kollox lis-social worker u anke lill-medjatriċi li kienet qed tassisti s-separazzjoni.

L-Imħallef fis-sentenza tiegħu ta’ 20 paġna, jgħid li “din il-Qorti ħadet konjizzjoni tal-atti proċesswali kollha u wara li qieset ir-raġunijiet li minħabba fihom l-Ewwel Qorti waslet għall-konklużjoni tagħha fir-rigward tar-reat ta’ korruzzjoni ta’ minuri tinnota li minn imkien ma jirriżulta fl-atti proċesswali li l-appellat ikkommetta korruzzjoni tal-minuri. Fil-fatt kellha raġun l-Ewwel Qorti tgħid li fl-atti proċesswali ma saret ebda prova li kien hemm xi “ripped underwear” jew xi “underwear” nieqes u minkejja li l-Qorti mbagħad qaltilha li kien missierha li “ripped her underwear” u fuq domanda jekk kinitx liebsa dan l-“underwear”, hi tgħid li ma tafx.”

Il-Qorti tal-Appell kompliet tgħid li wieħed ma jistax joqgħod fuq insinwazzjonijiet meta fl-atti ma hemm l-ebda prova ta’ x’inhu dan il-“pink nail”. Jingħad ukoll li x-xhud ma tatx spjegazzjonijiet ta’ x’riedet tifsser bil-kelma “naughty” u kif il-“pink nail”.

Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Qorti ċaħdet l-appell li sar mill-Avukat Ġenerali u kkonfermat id-deċiżjoni tal-Ewwel Qorti fejn il-missier ġie lliberat minn kull akkuża.

Sport