Saturday, October 26, 2024

ARA: Mill-inqas 149 persuna jmutu mgħaffġin f’avveniment tal-Halloween fil-Korea t’Isfel

Post fil-viċin jinbidel f'sala mortwarja biex jibdew jiġu identifikati l-vittmi

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Mill-inqas 149 persuna, l-aktar tfajliet żgħażagħ ta’ madwar 20 sena, inqatlu mgħaffġin qalb folla kbira ta’ nies li daħlet fi sqaq f’żona ta’ divertiment f’Seoul is-Sibt bil-lejl waqt ċelebrazzjonijiet tal-Halloween. Skont uffiċjali tal-emerġenza kien hemm 65 persuna oħra li ndarbu f’dan l-inċident traġiku. F’konferenza li fiha ġew mogħtija dettalji b’rabta mal-inċident intqal li 19 mill-midrubin kienu f’kundizzjoni kritika u li kienu qed jirċievu trattament ta’ emerġenza. Intqal ukoll li n-numru tal-vittmi ta’ dan l-inċident mhux eskluż li jkompli jiżdied.

Ix-xhieda ddeskrivew xeni ta’ konfużjoni sa mumenti qabel l-inċident, bil-pulizija jsibu problemi biex jikkontrollaw il-folla enormi ta’ nies li attendew għal dan l-avveniment.

Moon Ju-young ta’ 21 sena qal li kien hemm indikazzjonijiet ċari ta’ kaos fl-isqaqien qabel l-inċident anke minħabba l-fatt li dan kien l-ewwel avveniment tal-Halloween wara żmien ta’ restrizzjonijiet minħabba l-firxa tal-pandemija. Huwa żied jgħid li jistma li preżenti kien hemm folla ta’ madwar 10 darbiet aktar mis-soltu

Filmati mxerrdin fil-midja soċjali wrew mijiet ta’ nies ippakkjati, mgħaffġin u immobbli hekk kif uffiċjali tal-emerġenza u l-pulizija ppruvaw jintervjenu biex isalvawhom.

Filmati oħra wrew xeni ta’ konfużjoni waqt li pumpiera u ċittadini bdew jassitu għexieren ta’ nies li dehru mitlufin minn sensihom.

Id-distrett ta’ Itaewon huwa popolari minħabba l-għexieren ta’ bars u ristoranti li hija n-norma li jkunu ppakkjati waqt dan l-avveniment, b’mod speċjali wara li n-negozji kienu sofrew tnaqqis qawwi fuq tliet snin minħabba l-firxa tal-pandemija.

Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden u martu bagħtu l-kondoljanzi tagħhom u kitbu dwar in-niket tagħhom filwaqt li awguraw fejqan ta’ malajr lil dawk midrubin.

Il-Prim Ministru Brittaniku Rishi Sunak xerred Tweet u qal li l-ħsibijiet ta’ l-Ingilterra huma ma’ dawk li bħalissa qed jaħdmu bla nifs biex jgħinu f’din is-sitwazzjoni kritika”.

Bit-tnaqqis tal-firxa tal-virus tal-Covid-19, ir-restrizzjonijiet fuq il-bars u r-ristoranti u limitu ta’ 10 persuni għal laqgħat privati ​​tneħħew f’April li għadda. L-ilbies obbligatorju tal-maskra fuq barra tneħħa fix-xahar ta’ wara.

Xhieda fuq il-post qalu li kien hemm persuni li damu aktar minn siegħa maqbudin qalb tgħaffiġ li x’aktarx kien ikkawżat minn rassa enormi fi sqaq partikolari li fih kien mifrux dan l-avveniment. Skont rapporti ftit ħin wara t-traġedja, binja biswit ix-xena nbidlet f’sala mortwarja li fiha ttieħdu l-katavri biex ikunu jistgħu jiġu identifikati.

Id-diżastru huwa fost l-aktar fatali fil-pajjiż minn meta għerqet lanċa fl-2014. F’dik it-traġedja kien hemm 304 persuni, l-aktar studenti tal-iskola sekondarja, li tilfu ħajjithom.

Il-President Yoon Suk-yeol ippresieda laqgħa ta’ emerġenza ma’ uffiċjali għolja u ordna li titwaqqaf task force biex tiżgura r-riżorsi biex il-midrubin jingħataw l-assistenza kollha neċessarja u biex titnieda investigazzjoni bir-reqqa dwar il-kawża tad-diżastru.

Sport