Saturday, May 18, 2024

IS-SAĦĦA TAL-BUDGET 2023

Aqra wkoll

Kull budget għandu l-objettiv aħħari li jrid jilħaq u wisq aktar għandu kuntest li fih jiġi mfassal. U l-budget li tħabbar nhar it-Tnejn li għadda mhuwiex eċċezzjoni. Huwa budget li fit-totalità tiegħu jenfasizza fuq l-istabbilità ta’ pajjiżna. Stabbiltà li forsi uħud minnha jeħduha bħala n-norma filwaqt li dak li qed jiġri f’pajjiżi ġirien tagħna jurina li mhux il-każ. Stabbiltà li l-gvern ħoloq tul dawn l-aħħar snin permezz ta’ miżuri ċari, immirati, effettivi li wasslu biex int u jien bqajna naqilgħu l-ħobża ta’ kuljum. Miżuri li wasslu għal tkabbir ekonomiku, għall-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja ta’ pajjiżna u għal sitwazzjoni fejn il-gvern jista’ ma jħarisx biss lejn illum imma wisq aktar lejn il-Malta ta’ għada. Malta li tista’ tkompli taspira lejn tkabbir ekonomiku, lejn niċeċ ġodda fejn pajjiżna jista’ jattira aktar investiment barrani u fuq kollox gvern li jista’ jkompli jisħaq fuq ir-ruħ soċjali. 

U f’dan il-kuntest ġie mfassal il-Budget 2023. Budget li b’reazzjoni lejn il-miżuri mħabbra xi ħadd stqarr “li Father Christmas jista’ jżarma.” Kumment umoristiku imma li għandu doża tajba ta’ verità. Iva, għax fil-kuntest ta’ krizi internazzjonali, fil-kuntest ta’ dak li qed tiġri madwarna, ftit gvernijiet għandhom il-kapaċità jew għandhom ir-riżorsi biex iħabbru budget simili. Kif qal tajjeb il-Ministru Clyde Caruana fid-diskors tiegħu nhar it-Tnejn li għadda; “tajjeb li niftakru li ftit kilometri bogħod minna, fl-Italja hemm Prim Ministru ġdid li fl-ewwel jiem tagħha fil-kariga qed tara kif tista’ tnaqqas id-daqqa li se jieħdu l-familji u n-negozji bl-inflazzjoni dejjem tiela’.” Inzid li l-ewwel ugih ta’ ras fuq l-agenda tal-Prim Ministru l-gdid Ingliz hija kif ha jtaffi l-pjaga tal-gholi tal-hajja u kif ser jistimola l-ekonomija. Iva, għax il-mudell adottat mil-gvern huwa wieġed fejn il-gvern jerfa’ il-piż finanzjarju hu u jżid l-ispiża tiegħu sabiex jistimola l-ekonomija. Strateġija ambizzjuza u li xi ekonomisti jafu jiddefenixxu bħala riskjuża speċjalment fi żminijiet li qed ngħixu fihom. Però Gvern Laburista wera tul dawn l-aħħar snin li dan il-mudell jaħdem u wassal għall-istabiltà li qed ingawdu. 

Il-Budget 2023 qed jindirizza l-pass li jmiss fejn filwaqt li l-gvern ma żiedx taxxi ġodda, filwaqt li l-gvern introduċa kumpens għall-għoli tal-ħajja ta’ €9.90 fil-ġimgħa u €12.50 għall-pensonanti, filwaqt li l-gvern se jagħti żieda fiċ-children’s allowance ta’ €90, filwaqt li l-gvern ser jintroduċi mekkaniżmu addizzjonali tal-COLA għal dawk l-aktar vulnerabbli, filwaqt li l-gvern se jintroduċi żieda fil-Carers Grant; il-gvern ser ikun qed jiffoka fuq it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna billi jisħaq fuq l-innovazzjoni. L-innovazzjoni, għodda li dejjem offriet opportunità lil Malta tul is-snin biex teċċella f’niċeċ speċifiċi bħas-settur marittimu, tal-gaming u wisq aktar fl-avjazzjoni. U sabiex pajjiżna jimraħ u jilħaq l-iżvilupp ekonomiku tiegħu, il-gvern se jkun qed jiffoka wkoll fuq l-upskilling u r-re-skilling tar-riżorsi umani. 

Pero l-gvern mhux qed jieqaf hemm. Permezz tal-budget 2023 l-gvern qed jaspira li jsib bilanc bejn l-bżonn tat-tkabbir ekonomiku u s-sostenibiltà tal-ambjent. Settur li llum huwa komponent importanti minn dak li ahna niddefinixxu bħala r-ruħ soċjali ta’ pajjizna. Iva, id-dritt li int u jien ngħixu f’pajjiż nadif, id-dritt li int u jien ingawdu il-wirt naturali ta’ pajjiżna u fuq kollox id-dritt li l-ġenerazzjoni li jmiss ikollha wirt naturali u li tgħix f’ambjent sostenibbli.

Il-Budget 2023 huwa huwa pjan ta’ serħan il-moħħ għalik u għalija biex nistgħu nfasslu l-illum u wisq aktar l-għada tagħna. Huwa pjan ċar ta’ gvern li jrid jibqa’ jagħmel differenza f’ħajjet in-nies permezz ta’ miżuri ċari u mmirati għall-preżent u l-futur tas-soċjetà Maltija.

Sport