Din is-sena, il-premju Sakharov ingħata lill-poplu Ukren għall-qlubija tiegħu fl-invażjoni li issa dieħla fl-10 xahar tagħha. Rappreżentanti ewlenin minn dan il-pajjiż se jkunu qed jingħataw dan ir-rikonoxximent waqt ċerimonja li se ssir fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu minn hawn u ftit tal-ħin ieħor.
Dan is-sit kellu l-opportunità li jkellem mar-rappreżentant tal-‘Yellow Ribbon Civil Resistance Movement’ Yaroslav Bozhko li spjega li dan il-moviment ta’ reżistenza nħoloq f’April tal-2022 wara l-invażjoni Russa fl-Ukrajna. Dan il-moviment intqal ukoll li jilgħab rwol importati fid-difiża tal-libertà tal-espressjoni, fejn l-attivisti jinżlu fit-toroq sabiex isemmgħu leħinhom. “L-akbar kisba tagħna huwa l-poplu tagħna. Għandna ‘l fuq min 3,000 attivist f’aktar minn 20 belt li huma okkupati. Irridu nifhmu l-qlubija ta’ dawn in-nies,” qal Bozhko.
Huwa sostna wkoll li din il-gwerra wriet ħaġa importanti ħafna – li l-ebda forza waħedha mhi forza jekk tmur kontra l-prinċipji etiċi, u li kull tmexxija trid tkun ibbażata fuq dawn il-prinċipji. Temm jgħid li: “rridu naħsbu mhux biss fuq illum iżda wkoll fuq għada. M’aħniex niġġieldu għalina biss iżda anke għall-Ewropa. Jeħtieġ li tkomplu tgħinuna f’din il-kawża tagħna.”