Sunday, December 29, 2024

ARA: “Nemmen li nistgħu nkunu aktar magħqudin milli aħna llum” 

Il-President George Vella

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’intervista esklussiva ma’ dan is-sit, il-President ta’ Malta Dr George Vella tkellem dwar diversi aspetti tal-ħajja Maltija f’dawn l-erba’ snin li ilu President tal-pajjiż. 

Huwa fisser l-erba’ snin tiegħu ta’ President bħala esperjenza ġdida kuljum fejn saħaq li trid tuża l-esperjenza tiegħek u tapplika dak kollu li tkun tgħallimt f’ħajtek bil-għan li jintlaħaq l-aktar grad għoli ta’ dak li hu ġid komuni għall-poplu kollu.

“Ikollok problemi ħfief, tqal u kkumplikati, imma kuljum trid taffaċċjahom u tieħu d-deċiżjonijiet fuqhom. Jinqalgħu wkoll okkażjonijiet fejn trid imbagħad tara kif se jiżviluppaw l-affarijiet,” qal il-President.

YouTube video

It-Tabib Vella, li t-terminu tiegħu jagħlaq fi żmien sena, wera d-diżappunt tiegħu għall-fatt li minkejja t-talenti li għandna f’pajjiżna, għad ma kienx hemm qbil dwar persuna li tista’ tmexxi l-konvenzjoni kostituzzjonali u dan minkejja li diġà sar ħafna xogħol. 

Il-President Vella tkellem ukoll dwar il-ħtieġa tal-għaqda nazzjonali u tenna t-twemmin tiegħu li bħala poplu nistgħu aktar magħqudin milli aħna llum. 

Waqt li rrikonoxxa li jista’ jkun hemm opinjonijiet differenti, huwa enfasizza li wieħed għandu jirrispetta dak li qed jgħid ħaddieħor, ma jinsulentahx u jkellmu b’diċenza. 

“Din hija xi ħaġa faċli li ngħiduha però sfortunatament fil-prattika narawha li ma tantx tiġri. Jiddispjaċik meta tara messaġġi moqżieża fil-midja soċjali… bniedem jagħmel argument li mbagħad jiddeġenera u tibda tara ‘post’ aktar pastaż u kattiv minn ta’ qablu. Din hi xi ħaġa li ma nixtieqx naraha,” qal il-President. 

Tema oħra li tkellem dwarha l-President Vella u li hija tant għal qalbu kienet dik dwar l-użu tajjeb tal-Malti. Huwa qal li jemmen li l-ilsien Malti huwa karatteristika ewlenija ta’ dak li jagħmilna Maltin.

Huwa nsista li meta tara kif f’pajjiżi oħra, fosthom il-Latvja fejn qegħdin jagħmlu minn kollox biex isalvaw il-lingwa tagħhom, “nemmen li għandna nagħmlu minn kollox, u hemm din il-kampanja tal-użu tajjeb tal-Malti, fejn nieħu gost li nara li din qabdet u hemm min qed jinvolvi ruħu fiha.”

“Ħassejtni mweġġa’ nara nies ibatu u anzjani jmutu mingħajr l-appoġġ tal-familjari fi żmien il-pandemija”

Il-President George Vella

Dwar il-pandemija tal-Covid-19, Dr Vella semma kif il-Presidenza ntlaqtet ħażin ħafna minħabba fiha hekk kif kellhom jitħassru diversi appuntamenti u kollox kellu jsir online. 

Barra minn hekk, huwa qal li matul dan il-perjodu ħassu tassew imweġġa’ u ddispjaċut li jara nies ibatu u l-anzjani jmutu mingħajr l-appoġġ tal-familjari tagħhom ħdejhom u l-biża’ li ma tafx x’se jiġri. 

Huwa kompla billi rringrazzja lill-awtoritajiet tas-saħħa li rnexxielhom fi żmien malajr ħafna jorganizzaw ruħhom u offrew servizz li mhux biss hu wieħed tajjeb ħafna iżda wkoll li ġie rikonoxxut anke lil hinn minn xtutna. Apparti l-fatt li bil-mod kif ħadmu rnexxielhom jakkwistaw il-fiduċja tal-poplu li kkoperaw f’dan il-perjodu.

Il-President irrimarka wkoll dwar l-effettività tas-soċjetà ċivili anke f’mument fejn kien hemm turbolenzi politiċi fil-pajjiż. Qal li f’dan il-każ, trid tirreaġixxi u tirrispetta dak kollu li jkun għaddej dejjem fl-ambitu tal-kostituzzjoni u toqgħod attent li żżomm l-imparzjalità tiegħek. 

“Ikollok imbagħad kwistjonijiet li tiġi f’konfront ma’ opinjoni pubblika li għall-bidu tidher li forsi mhux qed taqbel ma’ dak li jkun imma jekk int konvint minn dak li qed tgħid u tara li dik hi t-triq ‘il quddiem trid tagħmilha,” qal il-President.

“L-argument kollu meta se tieqaf din il-gwerra li diffiċli wieħed jgħid”

Ma naqasx ukoll milli jsemmi l-gwerra fl-Ukrajna fejn saħaq li ġiet bla mistenni, bl-effetti tagħha jinħassu wkoll f’pajjiżna. Dan filwaqt li nnota wkoll li l-Gvern qed jassorbi l-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils.

“L-argument kollu huwa meta se tieqaf din il-gwerra li diffiċli wieħed jgħidu però, bħala President, trid tara li l-politika tagħna dejjem tibqa’ tirrispetta l-Kostituzzjoni u dak li timponi fuqna mill-istat tan-newtralità,” tenna l-President. 

Mistoqsi dwar il-politika barranija, huwa nnota kif bħala pajjiż aħna rispettati u anke kkonsultati minn ħafna pajjiżi li jixtiequ jkunu aktar informati fuq politika reġjonali Mediterranja. 

Tenna li l-fatt li pajjiżna għat-tieni darba ntgħażel biex iservi fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, dan minnu nfih kien vot ta’ fiduċja, u juri li minkejja ċ-ċokon tagħna bħala pajjiż, nistgħu nkunu “mexxejja” bil-messaġġi li nagħtu, bil-politika li nagħmlu u bil-kuntatti li jkollna mal-kumplament tad-dinja. 

Finalment staqsejnieh dwar l-aħħar sena ta’ din il-Presidenza, fejn irrimarka li diffiċli wieħed jgħid x’se jiġri ‘l quddiem. Huwa iżda temm jisħaq “li jinkwetani huwa li meta nħares ‘il quddiem nara ċertu tħassib rigward l-ambjent, mhux biss l-ambjent lokali iżda anke kif dan se jiġi affettwat minħabba t-tibdil fil-klima, li wieħed jara tibdil globali li mbagħad se jinfuwenza lilna.”

Ekonomija

Sport