Matul dawn l-aħħar jiem, diversi uffiċjali tal-Forzi Amati ta’ Malta (AFM) kienu impenjati jippreparaw għall-parata li se tittella’ llum sabiex jitfakkar il-50 anniversarju mit-twaqqif tal-AFM.
Il-parata, li se tinvolvi wkoll il-banda tal-Forzi Armati, se ssir fi pjazza San Ġorġ il-Belt għall-ħabta tas-6:00 p.m. fejn 150 suldat u suldata se jkunu qed jimmarċjaw minn quddiem il-Parlament sal-pjazza, qaltilna l-Logutenent Kayleigh Gelfo f’wieħed mill-kummenti li tat lil dan is-sit.
Hija qaltilna li dan l-avveniment ġab miegħu ġimgħat sħaħ ta’ preparamenti; sal-bieraħ filgħodu l-uffiċjali involuti kellhom l-aħħar prova fi pjazza San Ġorġ stess.
Talk.mt jinsab infurmat li l-AFM ħejjiet sorpriża għal dawk kollha li se jkunu preżenti għall-parata; sorpriża li s-soltu l-pubbliku ma jkollux l-opportunità li jaraha f’parati normali: “Is-sorpriżi ma jonqsux … il-banda se tkun qed tifforma formations differenti li qatt ma ġew iffurmati waqt display u ser ikun hemm fly pass ukoll b’xi assets tal-air way tal-Forzi Amati ta’ Malta,” fissret il-Logutenent Gelfo.
Anniversarju storiku … it-tranżizzjoni minn tmexxija militari Ingliża għal dik Maltija
F’kumment li ngħata Talk.mt mil-Logutenent Kurt Degabriele, huwa qalilna li dan l-anniversarju huwa wieħed storiku: “Anniversarju storiku għar-raġuni li f’dan it-traġitt ta’ 50 sena qed nikkommemoraw avveniment fejn il-militar Malti mmodernizza ruħu tul dawn l-aħħar 50 sena”.
Huwa kompla jgħid ukoll li fl-istess ħin f’dawn il-50 sena kien hemm qabża storika minħabba l-fatt li seħħet tranżizzjoni fit-tmexxija minn dik Ingliża għal waħda Maltija fi żmien meta Malta kienet għadha ma kisbitx il-ħelsien mill-Imperu Ingliż għalkemm kienet pajjiż indipendenti.
“F’dawn il-50 sena u f’din il-ġurnata qed niċċelebraw l-irwol ta’ suldat Malti, l-irwol tas-servizz tiegħu lejn ir-Repubblika ta’ Malta,” sostna l-Logutenent Degabriele.
Matul l-istess ċerimonja, dawk kollha li beħsiebhom jattendu se jkollhom l-opportunità li jinformaw ruħhom dwar l-istorja tal-AFM: it-tranżizzjoni minn tmexxija militari Ingliża għal tmexxija militari mill-Gvern Malti, u l-bidliet li seħħew matul dawn l-aħħar 50 sena.