Thursday, May 16, 2024

Ksur ta’ liġi fil-permess tal-binja fejn iġġarraf parti minn garaxx f’Manhattan

Aqra wkoll

Persuna tilfet ħajjitha filwaqt li minn tal-inqas ħamsa oħra jinsabu midruba wara li lbieraħ iġġarraf parti minn parkeġġ f’binja f’Ann Street għall-ħabta tal-4:00 p.m. (ħin lokal), f’Manhattan, New York. Dan kien ikkonfermat mill-awtoritajiet Amerikani.

L-awtoritajiet tal-pajjiż qalu li kien hemm sitt ħaddiema fil-binja waqt il-ħin li fih seħħ l-inċident. Sfortunatament wieħed minnhom miet; erbgħa oħra ttieħdu l-isptar fejn s’issa jidher li l-kundizzjoni tagħhom hija waħda stabbli filwaqt li l-ħaddiem l-ieħor irrifjuta l-għajnuna medika.

Wieħed mill-ħaddiema li kien fil-parti ta’ fuq tal-binja sab ruħu f’diffikultà biex joħroġ. Bis-saħħa tal-pumpiera li ħadu azzjoni f’waqtha, huma rnexxielhom joħorġu lill-ħaddiem b’mod sigur, qal il-Kap tal-Operazzjonijiet tat-Tifi tan-Nar John Esposito mal-midja Amerikana.

F’kumment li ta l-Kummissarju tad-Dipartiment tal-Bini Amerikan, Kazimir Vilenchik, huwa rrimarka li hemm ksur tal-liġi fil-permessi li ngħatawl lill-istess binja li jmorru lura għall-2003. 

Minn stħarriġ preliminari jidher li l-kawża ta’ dan l-inċident hija l-piż tal-vetturi pparkjati fil-parkeġġ u l-antikità tal-binja.

 

Sport