Tuesday, May 14, 2024

F’EKONOMIJA MIFTUĦA … ID-DJALOGU SOĊJALI KRUĊJALI

Aqra wkoll

L-ekonomija ta’ pajjiżna qed tkompli tikber u tiddiversifika ruħha b’pass mgħaġġel. Konferma ta’ dan huma r-rapporti ta’ aġenziji ta’ kreditu internazzjonali li lkoll qed jikkonfermaw kemm l-ekonomija sejra tajjeb minkejja l-isfidi internazzjonali. Fil-kuntest ta’ dan, id-djalogu soċjali huwa essenzjali billi l-imsieħba għandhom sehem importanti fit-tisħiħ tal-ekonomija u tal-ħolqien tal-ġid.

Dan qed ngħiduh anke fl-isfond tal-laqgħat regolari li jsiru fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), bil-għan li jkunu trattati temi varji importanti u ta’ rilevanza ekonomika u soċjali għall-pajjiżna. Suġġetti li saħansitra jqanqlu diskussjoni u li fil-qofol tagħhom ikun hemm ukoll il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Dan l-aħħar l-MCESD għamel pass ieħor importanti fil-mixja tiegħu ‘l quddiem fejn beda jiltaqa’ fil-bini tal-imsieħba soċjali stess. L-ewwel laqgħa minn dawn saret proprju fil-bini tal-General Workers’ Union, il-Belt Valletta.

Jekk xejn, huwa sinifikanti l-fatt li l-MCESD qed joħroġ ‘il barra mill-post tradizzjonali fejn kienu jiltaqgħu oriġinarjament l-imsieħba soċjali. Pass simili kien ħadu wkoll il-Gvern hekk kif fl-aħħar snin beda jlaqqa’ l-Kabinett tal-Ministri f’postijiet oħra u mhux bħalma kien isir qabel fil-Berġa ta’ Kastilja biss. B’hekk il-laqgħat ingħataw aktar xeħta pubblika.

Fil-fehma tagħna, id-deċiżjoni li wasal għaliha l-MCESD hija xiehda ta’ għaqda u sinerġija sħiħa bejn l-imsieħba soċjali fejn fl-istess waqt qiegħed jintbagħat messaġġ b’saħħtu ta’ kemm id-djalogu soċjali f’Malta għadu ħaj, attiv u meħtieġ. Apparti hekk, hi turija ta’ kemm qed jingħata importanza dan il-Kunsill, sabiex permezz tiegħu jkun ippjanat l-ġejjieni ekonomiku u soċjali ta’ dan il-pajjiż billi anke jkunu implimentati policies li jkun hemm il-ħtieġa għalihom.

Il-GWU bħala membru ta’ dan il-Kunsill, hija impenjata li ssostni djalogu soċjali b’saħħtu. Biex jintlaħaq dan il-għan, il-GWU ressqet anki diversi proposti biex ikunu diskussi fl-istess Kunsill fosthom l-introduzzjoni tal-kunċett tal-living income sabiex il-ħaddiema u l-familji tagħhom jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar.

Għalhekk huwa imperattiv li naraw u ninkoraġġixxu aktar laqgħat ta’ din ix-xorta għand l-imsieħba soċjali, li fl-aħħar mill-aħħar iħallu impatt li l-frott tagħhom jinħass sew fl-immedjat u anki fis-snin li għad irid jiġu.

Sport