Monday, December 23, 2024

ARA: “Pjattaforma sabiex jikber it-talent lokali”

Jitħabbar il-programm tal-Cospicua Short Play Festival

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Għas-sitt sena konsekuttiva, il-Kunsill Lokali ta’ Bormla se jorganizza l-attività teatrali, Cospicua Short Play Festival, f’diversi toroq f’Bormla.

Din l-attività ser issir bejn il-Ġimgħa 22 u s-Sibt 23 ta’ Settembru mis-sebgħa u nofs ta’ filgħaxija ‘l quddiem. Dan il-festival ser isir b’investiment ta’ madwar €37,000 b’finanzjament mill-iskema għal Attivitajiet Kulturali Annwali u minn fondi addizzjonali tal-kunsill lokali.

Dan is-sit ħa l-kummenti tal-Viċi Sindku ta’ Bormla Noyah Spiteri Hammett, li fissret dan il-festival bħala “pjattaforma sabiex jikber it-talent lokali”.

“Qegħdin nippromwovu t-talent. Se jkun hemm atturi stabbiliti flimken ma’ oħrajn li huma relattivament ġodda,” żiedet tgħid Spiteri Hammett li fakkret kif il-preparamenti għal dan il-festival ilhom għaddejjin ix-xhur.

Temmet tgħid li bħala Kunsill se jibqgħu jaħdmu sabiex dan il-festival ikompli jikber u b’hekk jagħtu opportunità lil ħafna aktar nies biex jieħdu sehem u juru t-talenti tagħhom. 

Intant, waqt it-tnedija ta’ dan il-festival, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li attivitajiet soċjokulturali joffru sens ta’ komunità u jkomplu jagħtu l-ħajja lil-lokalitajiet tagħna.

Hija qalet ukoll li din l-attività teatrali fil-beraħ tagħti wkoll spazju lill-artisti lokali biex juru t-talenti tagħhom. “Infaħħar lill-Kunsill Lokali ta’ Bormla u lill-organizzaturi kollha għall-ħidma biex tittella’ s-sitt edizzjoni ta’ din l-attività u nħeġġeġ lill-pubbliku biex jattendi sabiex igawdi u jsostni t-talent Malti”, qalet is-segretarju parlamentari.

Is-Sindku ta’ Bormla Marco Agius qal li din is-sena se jittellgħu sitt rappreżentazzjonijiet kompetittivi fejn tlieta minnhom ser isiru f’Pjazza Santa Margerita u l-kumplament f’Pjazza Suq Bonnici, fil-Pjazza ta’ Bormla u fil-bitħa tal-kunsill lokali rispettivament. Il-festival huwa bla ħlas u mingħajr ħtieġa li tirriserva post.

Il-Ħadd 24 ta’ Settembru ser jingħataw ħames premjijiet għall-aqwa produzzjoni, attur, attriċi, skript u direttur.

Preżenti għal din it-tnedija kien hemm ukoll diversi membri mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla u d-Direttur Artistiku tal-Festival Jason Zerafa.

Għal aktar informazzjoni dwar l-attività, wieħed jista’ jżur il-paġna ta’ Facebook tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla.

Ekonomija

Sport