Monday, May 13, 2024

Illum jitlaqqa’ l-MED 9 dwar l-intelliġenza artifiċjali

Aqra wkoll

Matul il-jum tal-lum f’pajjiżna se jiltaqgħu d-disa’ rappreżentanti tal-Gvernijiet tad-disa’ pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea biex jiddiskutu l-intelliġenza artifiċjali.

Dan il-grupp ta’ pajjiżi, imsejjaħ MED 9, se jiltaqa’ fl-MFCC f’Ta’ Qali, fejn fl-istess post bħalissa għaddejja l-EXPO tat-teknoloġija msejħa ‘TECHXPO’.

Il-Ministru u rappreżentanti tal-Gvernijiet tad-disa’ pajjiżi se jkollhom diskussjonijiet bejniethom fejn f’isem il-Gvern Malti se jattendi l-Ministru għall-Ekonomija Maltija, Silvio Schembri.

F’Mejju li għadda saret laqgħa oħra tal-MED b’diskussjoni dwar l-enerġija filwaqt li l-ġimgħa li għaddiet kien hemm laqgħa oħra tal-istess grupp fejn iddiskutew l-Affarijiet Barranin.

Il-MED 9 se jilħaq il-qofol tiegħu l-Ġimgħa 29 ta’ Settembru li ġej hekk kif il-mexxejja tal-pajjiżi membri se jkunu qegħdin jiltaqgħu mal-Prim Ministru Malti Robert Abela fejn anke ssir diskussjoni dwar diversi temi.

Għat-tmiem tal-MED 9 mistennija jattendu l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, u l-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel.

Sport