Pelin sostniet il-fehma tagħha li tibqa’ tgħix Malta għax kienet għal qalbha ferm. Fl-aħħar żjara tagħha fit-Turkija il-familja tagħha ppruvat tikkonvinċiha biex tibqa’ t-Turkija, iżda Pelin kienet determinata li tgħix f’pajjiżna u qalitilhom li hawnhekk kienet tħossha kuntenta u sigura u b’hekk ma baqgħux jisfurzawha.
Iddikjarat dan il-familja tagħha waqt il-velja mill-post fejn Pelin ittajret minn karozza li baqgħet dieħla fi stabbiliment tal-ikel fil-Gżira. Pelin ittieħdet lejn l-Isptar b’urġenza iżda minkejja kull tentattiv, hija kienet iċċertifikata mejta ftit ħin wara.

Waqt l-istess velja, il-qraba niżlu jixegħlu kejk lill-vittma anke minħabba li f’dan il-mument huma kellhom pjanijiet oħrajn li jgawdu magħha ċelebrazzjonijiet ta’ għeluq sninha anke jekk id-destin ried xorta oħra.

Fil-velja spikkat l-emozzjoni fuq wiċċ dawk kollha preżenti, iċ-ċapċipa li dwiet il-post hekk kif instema’ l-isem tagħha b’għajta ta’ kuraġġ lill-qraba.
Preżenti għall-velja kien hemm ukoll rappreżentanta tal-ambaxxata Torka f’Malta li kkonfermat li għaddejjin id-diskussjonijiet neċessarji biex b’dinjità, il-katavru ta’ Pelin ikun jista’ jittieħed lejn art twelidha għad-difna li tixirqilha.
Il-qraba rringrazzjaw lil dawk kollha preżenti u appellaw biex bil-preżenza tagħhom jakkumpanjawhom fit-tkomplija tal-każ huma u jfittxu li ssir ġustizzja mal-għażiża tagħhom. Sostnew li l-ebda ħajja m’għandha tinsteraq b’dan il-mod.