Thursday, December 26, 2024

ARA: “Saħħaħna l-programm ta’ cash rebate biex inkomplu ninċentivaw ix-xogħol”

Il-Kummissarju tal-Films, Johann Grech, b’messaġġ lill-industrija tal-films ... “Mhu se nħalli lil ħadd milli jtellef ix-xogħol tal-ħaddiema”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Dan il-Gvern determinat li jsaħħaħ l-industrija tal-films. Determinat li jinvesti aktar. Għalhekk saħħaħna l-programm ta’ cash rebate biex inkomplu ninċentivaw ix-xogħol. Karrieri fil-films irridu. Se nkomplu naħdmu biex naraw lilkom tirnexxu. U flimkien noħolqu aktar ġid.”

Iddikjara dan il-Kummissarju tal-Films, Johann Grech, f’messaġġ li għadda lill-industrija tal-films. Huwa beda biex qal li tul dawn l-aħħar jiem iltaqa’ ma’ wħud minn dawn il-ħaddiema li fost affarijiet oħra staqsewh għalfejn dawn l-attakki kollha fuq il-programm ta’ cash rebate ta’ pajjiżna. Staqsewh għalfejn dawn l-attakki insensittivi fuq din l-industrija li tant hija ta’ suċċess f’pajjiżna u għalfejn m’aħniex magħqudin biex inġibu l-investiment lejn pajjiżna.

Grech kompla billi enfasizza li dawk li qegħdin jattakkaw il-programm ta’ Malta, qegħdin jattakkaw l-istabbilità tal-industrija tal-films. Qal li dan huwa attakk fuq pajjiżna, motivat biex igerrex l-investiment barrani minn pajjiżna. Qal ukoll li dan huwa attakk fuq l-impjiegi tal-Maltin u l-Għawdxin li jaħdmu fil-films u anke fuq dawk li investew lira fin-negozju tagħhom biex jaħdmu fil-films.

“Għalina l-impjiegi tagħkom huma importanti. il-valur tagħkom huwa wisq kbir għal pajjiżna. Intom is-suċċess tagħna fil-films. Kull meta nitkellem ma’ studios u producers barranin intom il-crews tkunu waħda mir-raġunijiet prinċipali li nġibu x-xogħol lejn pajjiżna,” tenna l-Kummissarju tal-Films.

“Mhu se nħalli lil ħadd milli jtellef ix-xogħol għalikom. Il-cash rebate li Malta toffri huwa inċentiv fuq flus diġà minfuq f’pajjiżna. Ninċentivaw ix-xogħol. Nagħtu refund lura. Dan huwa inċentiv bħal oħrajn li toffri Malta lil industriji oħrajn. Huwa programm approvat mill-Unjoni Ewropea. Min jitkellem kontra l-cash rebate ta’ pajjiżna qed jitkellem kontra l-impjieg tagħkom, kontra l-futur tagħkom.”

“Għalhekk il-messaġġ tiegħi huwa messaġġ ta’ għaqda għax il-firda qatt ma wasslitna mkien. Aħna lkoll aħwa Maltin. U aħna dejjem irnexxejna. Pajjiżna dejjem rebaħ kull meta kien flimkien.

“L-interess tagħna huwa wieħed komuni – ta’ industrija magħquda flimkien fejn fiha igawdi minnha kulħadd. Tul dawn l-aħħar snin rajna l-frott u rajna aktar nies igawdu minnu.

“Tajna l-istabilità. Tajna s-serħan tal-moħħ li intom tistgħu taħdmu s-sena kollha fil-films. U magħna kulħadd jaħdem. Aħna m’aħniex se nieqfu hawn. M’aħniex se nħallukom waħedkom. Aħna nipproteġu x-xogħol tagħkom. Aħna l-garanzija tax-xogħol. Għalhekk komplu ngħaqdu magħna, komplu investu,” kompla jgħid Grech.

Huwa temm iwiegħed li se jkompli jaħdem biex jiġi aktar xogħol lejn pajjiżna, biex jinħolqu aktar impjiegi għall-Maltin u l-Għawdxin u biex naraw aktar negozju Malti jiftaħ il-business tiegħu għall-films.

“Għax dak li rridu aħna. Li dak li kisbna flimkien fl-aħħar snin ikun akbar fiż-żmien li ġej,” tenna l-Kummissarju tal-Films.

Ekonomija

Sport