Wednesday, December 25, 2024

ARA: Sarkofagu tal-Kurunell Morshead qed jinbena mill-ġdid

Malta tfakkar Jum l-Armistizju

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Sarkofagu, mibni fuq il-qabar tal-Kurunell Morshead, qed jinbena mill-ġdid wara riċerka bir-reqqa li twettqet mill-Fondazzjoni Wirt Artna permezz tal-appoġġ tal-Bank of Valletta.

Il-Kurunell Henry Anderson Morshead, li kien Kurunell Kmandant tar-Royal Engineers u Aġent Logutenent Gvernatur f’Malta, miet nhar il-11 ta’ Novembru tal-1831. Huwa ngħata funeral pubbliku u ġie midfun fil-Batterija tas-Salut, fil-Barrakka ta’ Fuq bil-mod kif stabbilit mill-Ingliżi wara li dawn ħadu kontroll ta’ pajjiżna fis-sena 1800. 

Fil-fatt, għal bosta snin, persuni pubbliċi li kellhom karigi mportanti ġew midfuna fuq promontorji fuq is-swar tal-Belt Valletta. Mart il-Kurunell Morshead bniet Sarkofagu Grieg klassiku fuq il-qabar tiegħu, bix-xogħol kien imwettaq minn skulturi Maltin bl-użu tal-ġebel lokali. Il-monument baqa’ kif kien oriġinarjament sal-1960 meta għal xi raġuni mhux magħrufa, il-parti ta’ fuq tneħħiet u tħalliet biss dik fil-livell t’isfel u l-pjattaforma b’tarġa tagħha. Sfortunatament, il-parti mneħħija ntilfet.

Bil-għan li jiġi restawrat dak li fadal minn dan il-monument u biex tinbena mill-ġdid il-parti nieqsa tiegħu, il-Fondazzjoni Wirt Artna għamlet riċerka dwar l-istorja tal-qabar u kif ukoll dwar il-ħajja tal-persuna li għaliha nbena. Għal dan il-għan, inbniet maquette arkitettoniku fuq skala sħiħa, verżjoni tal-ġibs tal-oriġinal. Dan biex isservi l-iskop li jiġu stabbiliti l-proporzjonijiet korretti u dettalji arkitettoniċi fini fl-istess waqt li jservi bħala mudell għall-bennej u l-iskultur biex jibnu mill-ġdid il-parti nieqsa tal-monument fil-ġebel.

Il-maquette, li tiflaħ għall-elementi tat-temp, ġiet żvelata minn Mario Farrugia, Chairman Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Wirt Artna u minn Charles Azzopardi, Kap, Dipartiment tas-CSR fi ħdan il-Bank of Valletta waqt ċerimonja ta’ tifkira ta’ Jum l-Armistizju li saret fis-Saluting Battery nhar il-11 ta’ Novembru, li taħbat ukoll mad-data meta miet il-Kurunell Morshead.

Ekonomija

Sport