“Malta tal-ġenn u t-temp … nikkunsidra niġi ngħix hawn”. Iddikjara dan il-vjolinist Olandiż, André Rieu hekk kif aktar kmieni ltaqa’ ma’ folla li kienet qiegħda tistennieh fil-Belt Valletta.

Huwa ddedika xi sigħat biex jiltaqa’ mal-Maltin fil-Belt Valletta fejn ħabbar dwar l-ewwel kunċerti li se jkun qed jagħti f’Malta fit-2 ta’ Settembru li ġej.

Fost folla ġmielha li kienet qiegħda tistenna l-vjolinist ta’ fama internazzjonali kien hemm diversi turisti li esprimew is-sodisfazzjon tagħhom li ltaqgħu miegħu bla ħsieb waqt iż-żjara tagħhom f’pajjiżna.

Qalb il-folla kbira li kien hemm tistennieh, il-Vjolinist ta attenzjoni speċjali lil xi tfal diżabbli li kienu qalb il-folla fejn saħansitra waqaf biex jgħannaqhom miegħu.

Waqt li kien qiegħed jittawwal mill-Barrakka ta’ Fuq u sema’ dwar kif il-kanuni jiġu sparati kuljum f’nofsinhar, huwa esprima x-xewqa li dawn il-kanuni jinstemgħu fil-kunċert tiegħu f’pajjiżna.

Is-sena d-dieħla l-vjolinist Olandiż flimkien ma’ għadd ta’ mużiċisti oħra li jfasslu flimkien l-Orkestra Johann Strauss mistennija jpaxxu lill-pubbliku Malti bit-talenti tagħhom.

Matul il-karriera tiegħu, Rieu biegħ ‘il fuq minn 40 miljun kopja bil-mużika tiegħu u huwa rinomat għal folol ta’ udjenzi li jattendu għall-kunċerti tiegħu.
