Friday, May 3, 2024

Tmien familji jingħataw akkomodazzjoni soċjali f’binja ġdida f’Ħaż-Żebbuġ

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes inawgura binja ġdida ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Ħaż-Żebbuġ. F’din il-binja se jkunu qegħdin jidħlu tmien familji ġodda li għaddew mill-proċess tal-applikazzjoni u verifiki u skont l-istrateġija ta’ allokazzjoni li ġiet imnedija matul is-sena li għaddiet.

Dawn it-tmien familji se jingħaqdu ma’ aktar minn 70 familja oħra li daħlu ftit tax-xhur ilu f’binja ġdida oħra ta’ akkomodazzjoni soċjali ġewwa tas-Sisla fis-Swatar, Birkirkara.

Il-Ministru Galdes stqarr illi familji li ffaċċjaw sfidi soċjali matul iż-żmien, illum qed jingħataw ċans li jgħixu ħajjithom f’ambjent diċenti u stabbli.

Il-ministru ħabbar ukoll illi fil-ġimgħat li ġejjin se jkomplu jiżdiedu aktar familji li jidħlu jgħixu f’dar ġdida ta’ akkomodazzjoni soċjali, dan hekk kif il-programm ta’ bini ġdid ta’ akkomodazzjoni soċjali qiegħed ikompli miexi minkejja l-isfidi li proġett maġġuri bħal dan iġib miegħu.

“Din il-binja li qed ninawguraw illum ser twassal sabiex dawn il-familji ġodda jwittu futur stabbli u jibqgħu jservu lil aktar u aktar familji fil-futur,” temm jgħid il-Ministru Roderick Galdes.

Sport