Wednesday, April 24, 2024

ARA: Tifla Maltija dawret konkors tas-sbuħija f’opportunità biex tkun vuċi għall-annimali abbandunati

Talk.mt f’intervista mar-rebbieħa ta’ Princess of the Universe f’Londra

Aqra wkoll

Ftit tal-jiem ilu, tifla Maltija ta’ disa’ snin kisbet unur għal pajjiżna wara li rebħet kompetizzjoni internazzjonali tal-immudellar f’Londra.

Dan is-sit għamel kuntatt ma’ Kailey Brincat, ir-rebbieħa ta’ ‘Princess of the Universe’ mill-kategorija tat-tfal. Dan il-konkors tas-sbuħija sar lejn l-aħħar tax-xahar li għadda bit-tmexxija ewlenija tad-Direttur Internazzjonali Mitch Desunia. Joanne Farrugia, catwalk trainer Maltija, kienet preżenti hemmhekk fi rwol ta’ direttur nazzjonali f’isem pajjiżna.

Il-lejla finali tal-kompetizzjoni kienet mifruxa fuq tliet rounds ta’ catwalk, b’wieħed mir-rounds li inkluda l-kostum nazzjonali. Fl-istess lejla saret ukoll gala night.
Kailey, apparti li rebħet l-iktar titlu prestiġjuż f’din il-kompetizzjoni, hekk kif ġiet fl-ewwel post mill-kategorija tagħha, kisbet ukoll diversi titli u ġiet ikklassifikata fir-raba’ post bħala overall winner:
— Best in Evening
— Best National Costume
— Best Photos
— Best in Catwalk
— MD Desunia Brand Ambassador
— Best in Advocacy
— Best in Fashion Dress

Bħala parti minn kompetizzjoni fuq livell internazzjonali, hija regola li l-kontestanti jintalbu jagħżlu dik li tissejjaħ ‘advocacy’, fejn bażikament jagħżlu suġġett u jipprovdu għarfien lill-pubbliku dwaru sabiex titqajjem iktar kuxjenza. Kailey spjegat ma’ dan is-sit li hija għażlet illi tikkonċentra l-kampanja tagħha fuq l-annimali, fejn bażikament talbet lin-nies biex jagħtu donazzjoni monetarja jew inkella xi ikel u/jew affarijiet li jistgħu jipprovdu ambjent iktar komdu għall-annimali, bħal ngħidu aħna xi kutri. Dawk kollha interessati f’din il-kawża, għadhom fiċ-ċans li jagħtu sehemhom sa tmiem din il-ġimgħa. Għal iktar tagħrif biex tgħaddu l-affarijiet lil Kailey, li eventwalment se jittieħdu l-AAA, tistgħu tagħmlu kuntatt ma’ ommha fuq 77703801.

Kailey kellha kliem ta’ tifħir għall-għalliema tagħha Joanne li mexxietha pass pass fit-taħriġ li kienet teħtieġ biex tipprepara ruħha bl-aħjar mod possibbli għal din il-kompetizzjoni. It-tifla apprezzat ukoll il-fatt li l-istess għalliema akkumpanjata matul il-vjaġġ tagħha f’Londra għal din il-kompetizzjoni.

Hija qaltilna li kienet esperjenza sabiħa immens, anke għall-fatt li għamlet ħbieb ġodda kif ukoll żaru postijiet popolari mat-turisti, fosthom il-Big Ben, fejn ħadu wkoll ammont ta’ ritratti.

Għal Kailey din ma kinitx l-ewwel esperjenza ‘l barra minn xtutna. Infatti, is-sena l-oħra hija rrappreżentat lil pajjiżna fi Sqallija fejn rebħet it-titlu ‘Miss Rosolini’, u iktar kmieni din is-sena ħadet sehem f’La Perla d’Italia fejn ikklassifikat fit-tielet post.

Il-karriera tagħha f’din l-industrija bdiet propju tliet snin ilu, li matulhom hija ħadet sehem f’diversi konkorsi tas-sbuħija lokali, fosthom ma’ Gaffiero Productions fejn din is-sena stess Kailey ikklassifikat fl-ewwel post waqt il-Junior Ms Valentine u kienet ir-rebbieħa overall tal-Junior Ms Beauty of Malta. Hija ħadet sehem ukoll f’konkorsi oħra organizzati minn Gaetano Promotions.

Sport