Fl-omelija tiegħu, il-Vigarju Episkopali għad-Djakonija Fr Charles Cordina qal li l-Prof. Grech tana ħafna affarijiet sbieħ. Huwa ddeskriva lil Grech bħala bniedem rett u li kien persunna organizzata ħafna. Tant hu hekk li saħansitra kien hu stess li ħaseb għall-funeral tiegħu.
Grech kellu l-familja għal qalbu ħafna. Kellu mħabba kbira lejn martu Pearl u kien ġenitur dedikat ferm għaż-żewġ uliedu. Sfortunatament, matul ħajtu kellu jgħix b’weġgħa kbira li kkawżatlu bosta tbatija, dik meta qatlulu lil bintu b’ittra bomba. Din kienet trawma vera kbira għal Edwin, fisser il-Vigarju. Però, minkejja dan, huwa baqa’ joffri lilu nnifsu għal ħaddieħor.
Bħala professjonist kien bniedem dedikat ħafna f’xogħlu. “Kien maħluq għall-professjoni tiegħu bħala tabib u professur,” saħaq il-Vigarju. Kien bniedem li jagħti l-ħajja lil ħaddieħor u kien kontinwament moħħu li ma jħallix lil min ibati. Dan kien rifless ukoll anki fl-irwol tiegħu ta’ Ministru għas-Sigurtà Soċjali, għaliex hemmhekk ukoll ra li jtejjeb il-kundizzjonijiet ta’ dawk ta’ madwaru.
10:30 a.m.: ARA: Tingħata tislima oħra lil Grech, din id-darba fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġwann
Bħalissa qed tingħata l-aħħar tislima lil Prof. Edwin Grech fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġwann.
Il-Prof. Grech, missier Karin Grech li kienet inqatlet b’ittra bomba, miet nhar l-Erbgħa li għadda, fejn aktar tard is-Sibt ingħata tislima mill-Għawdxin fil-Knisja Arċipretali taż-Żebbuġ.
Grech kien Membru fil-Parlament f’isem il-Partit Laburista f’żewġ leġiżlaturi bejn l-1992 u l-1996 u bejn l-1996 u l-1998. Hu serva wkoll bħala Ministru għas-Sigurtà Soċjali.